56% tal-Kunsilliera Nazzjonalisti għażlu li jmorru għal elezzjoni ta’ Kap – One News

Notifiki

56% tal-Kunsilliera Nazzjonalisti għażlu li jmorru għal elezzjoni ta’ Kap

Il-membri tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista għażlu li ssir tiġrija oħra għal Kap Nazzjonalista, f’dik li hija l-aħħar u l-ikbar minn sensiela ta’ daqqiet ta’ ħarta għall-Kap Adrian Delia.

Minn 1,509 voti li nxteħtu mill-kunsilliera, 839 ivvutaw li ssir elezzjoni oħra għal Kap, filwaqt li 659 ivvutaw biex issir konferma tal-Kap mit-tesserati. 11-il vot kienu invalidi. Dan ifisser marġini ta’ 180 vot u li juri iżjed minn qatt qabel kemm il-Partit Nazzjonalista huwa maqsum fi tnejn.

Ir-riżultat ufficjali nqara mill-Kap tal-Kummissjoni Elettorali Dr. Peter Fenech li għadu kif laħaq wara li f’inqas minn ġimgħa kien irriżenja Gejtu Vella.

Dan ifisser li l-fazzjoni li trid tqaċċat il-kap kisbet 56% tal-kunsilliera.

Il-votazzjoni bdiet minn filgħodu u kompliet tul il-ġurnata. Dehru jixħtu l-vot tagħhom diversi esponenti miż-żewġ fazzjonijiet, fosthom l-eks Kap innifsu Simon Busuttil.

Fl-aħħar minuti tal-votazzjoni, għall-ħabta tas-sitta ta’ filgħaxija u fis-sigħat ta’ waqt l-għadd, spikkat tensjoni kbira fid-Dar Ċentrali, b’diversi esponenti miż-żewġ fazzjonijiet barra l-istamperija.

Fil-fatt kien hemm sigurtà qawwija mal-bieb tal-istamperija kif ukoll preżenza sostanzjali ta’ Pulizija għal dak li seta’ jinqala’.

Fuq ġewwa, iż-żewġ fazzjonijiet innominaw persuni tal-fiduċja tagħhom sabiex jissorveljaw u jieħdu kampjuni mill-għadd tal-voti biex jaraw ‘il fejn kien qiegħed ixaqleb ir-riħ. Bil-fazzjoni tal-Kap tinduna mill-ewwel mumenti li kienet ġejja daqqa ta’ ħarta kbira oħra.

Kienu għall-ħabta tat-tmienja u kwart ta’ filgħaxija, meta ONE News żvela li madwar 55% tal-kunsilliera Nazzjonalista għażlu elezzjoni oħra għal Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Hawnhekk ONE News kellu informazzjoni kważi eżatta taċ-ċifra fejn mar il-vot, bil-Kummissjoni Elettorali Nazzjonalista tikkonferma ftit wara, b’riżultat uffiċjali. Fl-istess ħin, Jason Azzopardi, li ilu tliet snin jimmina lil Adrian Delia, mal-ewwel kiteb grazzi fuq il-profil tiegħu fuq facebook hekk kif l-ewwel indikazzjonijiet urew li l-fazzjoni ta’ Simon Busuttil għamlet rebħa.

Il-fazzjoni ta’ Adrian Delia li mbuttat għażla ta’ konferma għal Kap, issa trid taffaċja elezzjoni biex iżżomm iż-żiemel tagħha, f’tellieqa ġdida għal Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Adrian Delia kien diġà qal li kemm-il darba ssir elezzjoni għal Kap, huwa jikkontesta.

Fost ismijiet oħra li jistgħu jikkontestaw u li ssemmew hemm Bernard Grech li nhar it-Tnejn inqabad jikkonfoffa ma’ Jason Azzopardi f’ħanut tax-xorb, Roberta Metsola u Therese Comodini Cachia.

Intant, iż-żewġ fazzjonijiet organizzaw konferenza tal-aħbarijiet kull wieħed, fi kmamar separati.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend