Mara ta’ 30 sena mill-Peru qed issofri minn ġrieħi gravi wara li kienet involuta f’inċident tat-traffiku fil-Gżira.
L-inċident seħħ għall-ħabta tas-siegħa u għaxra fi Triq Testaferrata l-Gżira.
Fuq il-post isejjħu l-pulizija tad-Distrett u minn investigazzjonijiet preliminari li saru rriżulta li seħħet ħabta bejn vettura, li telqet minn fuq il-post u mutur tal-għamla Niu li kien qed jinstaq mill-mara.
Il-mara ta’ 30 sena ttieħdet l-Isptar Mater Dei b’ambulanza għall-kura meħtieġa.
Iktar tard, hija ġiet iċċertifikata li qegħda ssofri minn ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.