Diversi tfal taħt is-sittax-il sena qed jesebixxu diversi opri artistiċi ġewwa MUŻA bħala parti mill-inizjattiva ta’ Heritage Malta, ‘Kun l-Artist’.
Ix-xogħlijiet tat-tfal jiffukaw fuq it-temi ta’ tempji preistoriċi, ħelu tradizzjonali, u pożi għall-arti.
Dawn it-temi kienu parti mill-kompetizzjoni virtwali, li tnediet bil-għan illi tispira lit-tfal waqt l-imxija tal-Covid-19.
Għal din l-esebizzjoni attendiet mart il-President ta’ Malta, is-Sinjura Miriam Vella fejn esprimiet is-sodisfazzjon għall-inizjattivi li ttieħdu minn Heritage Malta fil-kultura u l-arti lokali, anke waqt il-pandemija tal-Covid-19.
Hija sellmet u rringrazzjat lill-għalliema kollha kif ukoll lill-ġenituri li matul dawn ix-xhur għamlu l-almu tagħhom biex jassiguraw li l-pandemija ma ttelfilhomx l-andament tat-tagħlim tagħhom.
Bejn April u Ġunju, l-inizjattiva ‘Kun l-Artist’ stiednet lil tfal ta’ taħt is-sittax-il sena sabiex jissottomettu l-kreazzjonijiet artistiċi tagħhom, skont it-temi diversi ppreżentati minn Heritage Malta. It-tfal Maltin u Għawdxin b’kollox issottomettew ’il fuq minn 260 biċċa tal-arti.
Għal aktar dettalji, wieħed jista’ jżur is-sit elettroniku heritagemalta.org.