MAAA torganizza l-Kampjonati Nazzjonali taż-Żgħażagħ fi tmiem il-ġimgħa – One News

Notifiki

MAAA torganizza l-Kampjonati Nazzjonali taż-Żgħażagħ fi tmiem il-ġimgħa

Tmiem il-ġimgħa se jkun ċelebrazzjoni ta’ atletika għal kull età fil-Matthew Micallef St John Athletics Stadium fil-Marsa hekk kif l-istaġun ikompli riesaq lejn tmiemu. Għall-atleti żgħażagħ, il-Kampjonati Nazzjonali se jkunu l-qofol tal-istaġun filwaqt li għall-kbar, permezz tat-tieni Challenge tal-istaġun, se tkun l-aħħar opportunità biex jiffinalizzaw il-preparamenti tagħhom għall-Kampjonati Nazzjonali li se jsiru fit-22 u t-23 ta’ Awwissu.

Fi tmiem il-ġimgħa se jsiru 45 avveniment, 22 is-Sibt u 23 il-Ħadd.

L-Open Challenge se timmarka r-ritorn fuq it-trakka tal-atleti li jispeċjalizzaw fuq distanzi itwal għal tellieqa ta’ 5000m. Numru ta’ atleti lokali kellhom prestazzjonijiet mill-aqwa fl-ewwel tlielaq fit-toroq li saru fl-aħħar jiem u b’hekk se jkun interessanti li wieħed jara jekk dawn il-prestazzjonijiet hux se jkunu replikati fuq it-trakka.

Fost l-atleti żgħażagħ, l-avvenimenti tal-aħħar ġimgħat taw diversi indikazzjonijiet tal-favoriti għal post fuq il-podju. Fost l-Under 16s, Matthew Galea Soler, Gabriel Petroni (La Salle) u Yan Vella ta’ Pembroke Athleta huma l-favoriti fl-isprint filwaqt li Julian Zarb (La Salle), Matthew Curmi (Savio) u Noah Portelli mill-Iskola Sekondarja tal-Mosta qed jimmiraw għal riżultati importanti fuq distanzi itwal.

Juliette Spina minn San Anton u Jade Borg u Kay Lee Testa ta’ Pembroke huma l-ismijiet l-aktar mistennija fil-kategorija tat-tfajliet.

Fost l-Under 14s, id-duo Thomas Grech u Lyon Falzon ta’ La Salle u t-twins Shoemake (Starmax) jibdew bħala favoriti għad-deheb fl-isprints. Mireya Bugeja, li ftit ġranet ilu rreġistrat l-aqwa prestazzjoni f’pajjiżna f’din il-kategorija fl-1,200 metru hija l-għażla naturali għal pretazzjoni oħra b’saħħitha.

Fost is-subien U12, l-atleti ta’ Pembroke Elai Borg u Jamie Azzopardi jibdew bħala favoriti fil-ġlieda għad-deheb filwaqt li jikkonfermaw is-supremazija tagħhom f’din il-kategorija. Thea Grech (La Salle) u Kristina Azzopardi (Pembroke Athleta) huma l-favoriti fost il-bniet.

Iċ-ċerimonja ta’ premjazzjoni ssir it-Tnejn 3 ta’ Awwissu fis-6 ta’ filgħaxija fil-Matthew Micallef St John Atlethics Stadium.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend