In-nefqa soċjali tiżdied hekk kif il-Gvern wieżen b’€13.6 miljun fil-benefiċċji tal-Covid-19 – One News

Notifiki

In-nefqa soċjali tiżdied hekk kif il-Gvern wieżen b’€13.6 miljun fil-benefiċċji tal-Covid-19

Fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena n-nefqa soċjali tal-Gvern żdiedet bi €43.3 miljun, li jfisser 8.5% iktar mill-ewwel nofs tas-sena l-oħra.

Dan ħareġ minn statistika maħruġa mill-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika u li tgħid li n-nefqa soċjali bejn Jannar u Ġunju kienet tammonta għal aktar minn nofs biljun ewro (€555.3 miljun).

Skont l-NSO, in-nefqa soċjali żdiedet kemm f’benefiċċji kontributorji u anki dawk mhux kontributorji.
L-istatistika ssemmi b’mod partikolari l-benefiċċji soċjali li bihom wieżen il-Gvern waqt il-pandemija.

Fi żmien meta l-Gvern ta l-benefiċċji soċjali għal dawk vulnerabbli li ma setgħux imorru għax-xogħol fost oħrajn, il-Gvern nefaq €13.6 miljun fuq il-benefiċċji marbuta mal-Covid-19.

Minn dawn il-benefiċċji partikolari minħabba l-impatt tal-imxija gawdew 8,791 persuna.

In-nefqa soċjali marbuta mal-benefiċċji kontributorji kienet tammonta għal €457.1 miljun, li jfisser 10.1% iżjed mill-ewwel sitt xhur tas-sena l-oħra.

Fl-isfond ta’ ħames żidiet li Gvern Laburista ta lill-pensjonanti, bejn Jannar u Ġunju li għadda kien hemm żieda ta’ €21.1 miljun fin-nefqa marbuta mal-pensjonijiet.

Żidiet notevoli oħra kienu fil-pensjoni tar-romol (€3.4 miljun) u l-bonus kontributorju (€3.1 miljun).

Sa tmiem ix-xahar li għadda, l-ispiża fuq benefiċċji kontributorji kienet tammonta għal €98.2 miljun, li jfisser 1.5% iżjed mill-ewwel sitt xhur tal-2019.

L-ikbar żieda kienet fl-allowance tad-diżabilità fejn il-Gvern nefaq €1.3 miljun aktar minn Jannar u Ġunju tas-sena l-oħra.

Żidiet notevoli oħra kienu fiċ-children’s allowance (€0.5 miljun), l-allowance medika (€0.2 miljun) u l-in-work benefit (€0.1 miljun).

L-aktar li gawdew mill-benefiċċji kontributorji kienu l-pensjonanti, ftit aktar minn ħamsin elf pensjonant (51,601) filwaqt li fil-benefiċċji mhux kontributorji gawdew kważi tnejn u erbgħin elf familja (41,854).

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend