Sudaniż ta’ tmienja u għoxrin sena li kien għadu kif weħel sitt xhur ħabs fuq passaport falz, inqabad ftit wara li ħarab lill-pulizija li kienu sejrin bih lejn il-ħabs.
Fi stqarrija, il-Pulizija qalu li s-Sudaniż ħarab mill-karozza tal-pulizija waqt li kienet quddiem l-entratura prinċipali tal-binja tal-ħabs, hekk kif huwa ta s-salt u ħarab minn ġol-karozza, immanetjat.
Immedjament, il-pulizija li kien qed jeskortah, flimkien mal-Pulizija tad-Distrett u dawk mir-Rapid Intervention Unit bdew tfittxija għalih, fejn wara nofs siegħa huwa nqabad fuq bejt ta’ stabbiliment.
Huwa reġa’ ġie skortat lejn il-ħabs f’Kordin.