Il-Kumpanija Maltco Lotteries tat donazzjoni ta’ ħamsin elf ewro sabiex tkompli toffri l-appoġġ tagħha lil Fondazzjoni għal-logħob b’mod responsabbli.
Din l-għotja se tintuża sabiex jiżdied l-għarfien u l-użu ta’ prinċipji ta’ logħob responsabbli.
Waqt il-konferenza il-Kap ta’ Maltco Lotteries stqarr li l-kumpanija għandha l-missjoni li twassal esperjenzi tal-logħob li huma ddisinjati speċifikament fuq prinċipji ta’ logħob responsabli.
Il-Maniġer tal-Fondazzjoni għall-logħob b’mod responsabli, Shawn Zammit tkellem dwar kif din l-għotja se tgħin sabiex il-Fondazzjoni tkun tista tkompli toffri s-servizzi tagħha sabiex tnaqqas u toffri għajnuna għal dawk li jkollom il-vizzju tal-logħob.
“L-għan tal-fondazzjoni huwa li taħdem fuq dan il-qasam biex il-problema tal-vizzju tal-logħob tkun meħuda fuq livell nazzjonali biex tingħata l-attenzjoni meħtieġa bħad-droga u l-alkaħol.”
Preżenti għal din il-konferenza kien hemm is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji u l-Ekonomija Diġitali Clayton Bartolo li enfasizza l-fatt li ħajjet persuna tiswa iktar minn kull ammont ta’ flus u b’hekk huwa importanti li dejjem tiġi offruta l-għajnuna.
“Din id-donazzjoni li qed naraw illum mil-Maltco għar-Responsible Gaming Foundation tipreżenta il-commitment illi għandna sabiex b’hekk inkomlu ngħinu fejn verament hemm bżonn. Filwaqt illi l-industrija tal-Gaming hija dejjem tissaħħaħ, minn naħa l-oħra irridu nassiguraw li min ikollu l-vizzju tal-logħob jista jsib l-għajnuna kollha li hemm bżonn.”
Apparti l-kontribuzzjoni għal-logħob responsabli , Maltco Lotteries tagħti madwar sitt mitt elf ewro kull sena lil Fond tal-Kawżi Ġusti.
Dawk bil-vizzju tal-logħob jistgħu jirrikorru għal għajnuna billi jċemplu 1777.