Il-programm Ewropew ‘Play Volleyball, Grow with it’ se jibda jsir f’Malta. Dan wara li s-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ iffirma ftehim mal-Konfederazzjoni Ewropea tal-Volleyball u l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Volleyball.
Permezz ta’ dan il-ftehim, pajjiżna se jibbenifika minn għotja ta’ apparat tal-volleyball filwaqt li se jingħata aċċess għall-pjattaforma ta’ tagħlim virtwali mill-Konfederazzjoni Ewropea tal-Volleyball.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet is-Segretarju Parlamentari għall-Isport Clifton Grima tkellem kif dan il-programm, li se jintroduċi numru tat-tfal għall-isport tal-volleyball, għandu l-għan li jtejjeb il-kundizzjonijiet tas-saħħa u dawk soċjali f’pajjiżna.
“Bħala gvern qegħdin nagħtu l-appoġġ sħiħ tagħna propju lil Federazzjoni lokali tal-Volleyball f’pajjiżna. Appoġġ li qed jissarraf f’riżultati tanġibli. Riżultati tanġibli li permezz tiegħu ikun hemm ftehim ma Federazzjonijiet Internazzjonali fejn f’dan il-każ partikolari se nkunu qed naraw propju li jingħata għarfien u anke apparat li jgħin sabiex dan l-isport jidħol fl-iskejjel tagħna.”
Onorat b’dan il-ftehim, Il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Volleyball Edward Gatt stqarr kif dan il-ftehim mistenni li fil-futur jirriżulta f’skwadri nazzjonali tal-volleyball ta’ kwalità aħjar.
“Permezz ta’ dan il-ftehim ħa nkunu nistgħu jkolna għodda, blalen li se jingħataw fl-iskejjel, biex it-tfal jkunu jistgħu jilgħabu il-logħba tal-volleyball, il-logħba tal-volleyball issir iktar popolari u nittamaw li l-isports tagħna jikber iktar mill-ground rules.”
Il-President tal-Konfederazzjoni Ewropea tal-Volleyball Aleksandar Boricic stqarr li bħala konfederazzjoni għandhom l-għan li jintroduċu dan il-programm madwar l-Ewropa kollha sabiex dan l-isport ikompli jikber.