Malta ssieħbet fil-kampanja internazzjonali ‘Blue Heart’ kontra t-traffikar uman.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u dawk Ewropej Evarist Bartolo u s-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rosianne Cutajar spjegaw kif permezz ta’ din is-sħubija, Malta se tkun qed tikkontribwixxi b’għotja ta’ għaxart elef ewro lill-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità.
Ftit qabel il-Jum Internazzjonali kontra t-traffikar uman li jiġi fit-tletin ta’ Lulju ntqal kif it-traffikar uman huwa reat li jżarma lill-individwu mid-drittijiet tiegħu u tneħħi id-dinjità tal-persuna.
It-tema ta’ din is-sena tiffoka fuq il-ħidma sabiex tiddentifika it-traffikar tal-bnedmin, toffri spalla u ġustizzja lill-vittmi kif ukoll tiffoka fuq dawk li jagħtu l-ewwel għajnuna kemm minn aspett ta’ counselling u anke minn aspett legali.
L-aġent direttur mid-direttorat tad-Drittijiet tal-bniedem qal li ser jiġi offrut taħriġ għal ħaddiema fil-qasam tas-saħħa jew soċjali sabiex jiddentifikaw l-ewwel sinjali ta’ traffikar uman.
“Meta jkun hemm ċertu nies qed jiġu akkumpanjati ma xi ħadd forsi dan ix-xi ħadd tagħhom qed juri ċertu power mhux qed iħallihom jitkellmu hemm ċertu elementi bħal speċi bniedem jista’ jinduna li hemm xi ħaġa għaddejja.”
Fil-konferenza tal-aħbarijiet intqal kif il-pandemija wriet ukoll li kawża tagħha speċjalment nisa u tfal kienu iżjed f’riskju ta’ traffikar uman.
Il-Ministru Evarist Bartolo tkellem dwar l-azzjonijiet li ħadet Malta fuq livell internazzjonali kontra t-traffikar ta’ persuni, bħall-approvazzjoni tal-Appell għal Azzjoni biex jintemm ix-Xogħol Sfurzat, Skjavitù Modern u Traffikar ta’ Bnedmin, li tnieda fl-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda fl-2017.
“Biex kemm jista’ jkun inaqqsu u nikkontrollaw dan it-traffikar tal-bnedmin għax huwa delitt, delitt kontra n-nies. Fl-istess ħin qatt ma għandna ninsew li l-vittmi tat-traffikar huma nies tad-demm u l-laħam li huma użati u rridu ngħinuhom bl-aħjar mod possibbli.”
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar semmiet kif l-istatistika turi li f’Malta l-maġġoranza tal-vittmi huma nisa għal skopijiet ta’ xogħol u ta’ prostituzzjoni.
F’dan il-kuntest, saħqet li l-gvern kommess li jibqa’ jiġġieled dan ir-reat kriminali li jikser id-drittijiet fundamentali tal-bniedem.
“jekk wieħed jara l-budget allokat għal traffikar uman wieħed jara li kien hemm żieda sostanzjali issa għandna madwar tliet mitt elf ewro fis-sena sabiex aħna l-politiċi nutilizzawhom b’mod għaqli biex nqajjmu kuxjenza imma wkoll biex noffru għajnuna fil-prattika lill-vittmi li jersqu l’quddiem u jikxfu li huma vittmi tat-traffikar uman”.
Fil-jiem li ġejjin postijiet prominenti f’pajjiżna bħal Bieb tal-Bombi, s-swar tal-Imdina u l-Funtana Tritoni se jkunu mixgħula biex jitqajjem għarfien dwar it-traffikar tal-bnedmin.