Yachting Malta qed timpenja ruħha li topera b’mod iżjed sostenibbli mal-ambjent speċjalment dak marittimu.
F’attività fejn l-entità inawgurat uffiċjalment post fejn jinżammu d-dgħajjes li jintużaw minn dan il-klabb f’Birżebbuġa, iċ-chairman ta’ Yachting Malta John Huber qal li li l-entità kompliet tkabbar l-impenn tagħha li tkun sostenibbli mal-ibħra.
“Aħna kollox li nagħmlu u li nisponsorjaw ikunu sostenibbli jiġifieri kontra l-użu tal-plastik, kontra l-użu tal-istraws biex aħna ma nħammġux il-baħar tagħna. Il-baħar huwa żvog tagħna, l-industrija tagħna u dak li jagħmilna Maltin. Allura qed jixprunaw in-nies biex ikomplu jieħdu ħsiebu aħjar.”
F’dan l-impenn l-entità ħatret tliet ambaxxaturi – lil Neil Agius li għam bejn Sqallija u Malta biex iqajjem għarfien fuq l-użu ħażin tal-plastik, l-eks atleta internazzjonali tal-ibburdjar Mario Aquilina u r-rebbieħa tar-Rolex Middle Sea Race tas-sena li għaddiet Maya Podesta.
Dr Podesta qalet li minkejja li l-plastik jintuża fil-ħajja ta’ kuljum dan qed jagħmel ħsara rreparabbli.
“Il-baħar qed isofri u inizjattivi fejn nistgħu nnaqsu l-użu tagħhom dejjem ħa jkun tajjeb u kemm jista’ jkun ħa nħeġġeġ nies oħra biex kemm jista’ jkun joqgħodu ftit attenti u konxji tal-użu tal-affarijiet tal-plastik.”
Il-Ministru Ian Borg faħħar ħidmet Yachting Malta u semma’ li din l-industrija hija waħda importanti għall-ekonomija. Huwa awgura li din l-entità twettaq b’suċċess din l-inizjattiva.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna stqarr li din l-inizjattiva se tkun qed tgħin sabiex jonqos l-impatt ambjentali fuq l-industrija. Irrimarka li minnha nnifisha, l-industrija tal-ibburdjar hija ambjentalment sostennibbli.