Il-Prim Ministru Robert Abela akkumpanjat mill-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri, it-Tnejn filgħaxija inawgura uffiċjalment Pjazza San Franġisk fir-Rabat Għawdex b’investiment ta’ €2 miljun.
Il-pjazza fil-qalba tal-Belt Victoria ngħatat dehra ġdida wara proġett ta’ riġenerazzjoni u tisbiħ li se toffri spazju ieħor miftuħ għar-residenti u t-turisti li jżuruha ta’ kuljum.
Il-proġett ta’ Pjazza San Franġisk inkluda bosta xogħlijiet fosthom żieda fiż-żoni pedonali u installazzjoni ta’ sistema ġdida ta’ dwal fil-pjazza.
Issaħħew ukoll is-sistemi tal-ilqugħ mix-xita u twaħħlet għamara ġdida ta’ barra sabiex il-pubbliku jkun jista’ jistrieħ meta jgawdi din il-pjazza.
F’indirizz li għamel, il-Prim Ministru qal li investiment fi pjazza bħal din jirrifletti l-ħsieb ta’ dan il-Gvern li jkompli jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies.
“B’investiment bħal dan qed ngħidu lin-nies ejjew, għandkom post sabiħ fejn tistrieħu, fejn tieklu u tixorbu, fejn tiddevertu. U dik hija l-filosofija li bħala gvern nemmnu fiha. Ix-xogħol fuq naħa waħda li hu importanti għax mingħajr xogħol ma jkollokx għajxien imma imbgħad hemm ħin id-divertiment, ħin il-mistrieħ u dak huwa l-bilanċ li dejjem irridu nilħqu.”
Dr Abela sostna li jinsab kburi li l-ġimgħa li għaddiet Malta nnegozjat pakkett ta’ żewġ biljun u mitejn u ħamsin miljun ewro f’fondi Ewropew li minn tal-inqas għaxra fil-mija minnhom se jiġu allokati għal proġetti f’Għawdex.
Quddiem il-binja tal-Ministeru għal Għawdex il-Prim Ministru nnota wkoll b’sodisfazzjon kif l-ekonomija Għawdxija reġgħet iripiljat filwaqt li qal li bħala poplu rridu nimxu ’l quddiem fil-ġid billi nibbilanċjaw is-saħħa, l-ekonomija u l-kwalità tal-ħajja tal-poplu Għawdxi u Malti.
Fl-intervent tiegħu, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li fl-aħħar xhur il-Ministeru għal Għawdex ħadem bla waqfien sabiex din il-pjazza fiċ-ċentru tar-Rabat titlesta fl-iqsar żmien possibbli bl-inqas inkonvenjent għar-residenti.
“Ninsab sodisfatt ħafna għal mod kif ipprogressjna b’dan ix-xogħol, fi ftit xhur pjanajna u lestejna dan ix-xogħol u rajna li ġibna r-riżultati u issa nħarsu ‘l quddiem għal aktar ħidma u aktar proġetti madwar Għawdex.”