Etienne Bonello u Michelle Vella Wood jerbħu fil-Kampjonat Nazzjonali tat-Trial tat-Time – One News

Notifiki

Etienne Bonello u Michelle Vella Wood jerbħu fil-Kampjonat Nazzjonali tat-Trial tat-Time

Il-Kampjonat Nazzjonali tat-Trail tat-Time organizzat mill-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu sar riċentament fejn kien hemm suċċess għat-Team tal-Greens li rebaħ iżżewġ kategoriji prinċipali. Etienne Bonello żamm it-titlu ta’ Champion. Michelle Vella Wood spiċċat iċ-champion Feminili.

Din is-sena 2020, minħabba l-problemi li ħolqot il-Pandemija u biex titħares saħħiet iċ-ċiklisti u l-membri, dan il-kampjonat sar fuq tiġrija waħda minflok is-soliti tlieta, biex b’hekk setgħu joħorġu c-champions nazzjonali. It-tiġrija deċisiva tal-Kampjonat Time Trail saret nhar ilbieraħ fuq iċ-ċirkwit tal-Mrieħel fejn iċ-ċiklisti għamlu 8 dawriet għal distanza ta’ 23km. It-tluq sar b’intervall ta’ 1 minuta fejn iċ-ċiklisti kollha telqu waħedhom mingħajr ħadd ma żommhom.

Etienne Bonello (Team Greens CC) baqa’ bħala Champion Nazzjonali tat-Time Trial meta spiċċa l-ewwel f’ħin ta’ 27:27.51. Huwa kien segwit minn sieħbu Clive Ebejer  u William Hili ta’ Mosta AF Sign Studio CC.

Fil-kategorija Feminili, Michelle Vella Wood (Team Greens) issorprendiet lil seħbitha Marie Claire Aquilina meta spiċċat l-ewwel f’ħin ta’ 29:54.13 filwaqt li l-ex-champion Aquilina spiċċat warajha. Fit-tielet post spiċċat Marquita Muscat ta’ The Cyclist.

Suċċess ieħor għat-Team Greens kien fil-Kategorija tal-Masters 40+ fejn hawn ħareġ rebbieħ Michael Camilleri f’ħin ta’ 27:32.25. Warajh daħlu Antoine Sultana ta’ The Cyclist u Fabio Spiteri ta’ Mosta AF Sign Studio CC.

Nicky Farrugia ta’ Mosta AF Sign Studio CC rebaħ il-Kategorija Masters 50+ f’ħin ta’ 31:33.30. Enrico Bradamante ta’ Agones SFC spiċċa t-tieni, filwaqt li Emmanuel Camilleri ta’ Mosta AF Sign Studio CC spiċċa t-tielet.

Il-kategorija ta’ taħt it-23 sena ntrebħet minn Kurt Muscat ta’ Mosta AF Sign Studio CC f’ħin ta’ 28:58.30. Warajh spiċċaw Brandon Sultana ta’ Gozo CC u Isaac Spiteri ta’ The Cyclist (31:09.36).

Clive Chetcuti ta’ Mosta AF Sign Studio ġie inkurunat bħala Juniors champion meta spiċċa l-ewwel f’ħin ta’ 29:35.18 quddiem sieħbu Max Zammit. Veronique Pace Asciak ta’ The Cyclist rebħet il-Kategorija Feminili tal-Under 18 meta spiċċat it-tiġrija tagħha f’ħin ta’ 37:20.52, filwaqt li seħbitha Kristina Spiteri rebħet il- Kategorija Feminili tal-Under 16.

Ċiklisti ta’ Mosta AF Sign Studio ddominaw il-Kategorija Maskili tal-Under 16 li ntrebħet minn Jacob Schembri li għamel is-sitt dawriet f’ħin ta’ 21:57.43. Huwa kien segwit minn Jaeken Galea u Jacob Ellul (28:03.00).

Miguel Galea ta’ The Cyclist rebaħ il-Kategorija tal-Under 14 meta temm l-erba’ dawriet tiegħu f’ħin ta’ 16:38.42. Warajh spiċċa Luca Teuma ta’ Mosta AF Sign Studio CC. 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *