Juanito Jimenez u Ramsey Farrugia li għandhom sebgħa u għoxrin sena mill-Ħamrun u l-Belt Valletta rispettivament wieġbu mhux ħatja talli ttellgħu l-Qorti mixlija b’serqa fis-Swieqi.
Jimenez kien akkużat ukoll li kien qed isuq mingħajr polza tal-assigurazzjoni, talli saq mingħajr liċenzja, talli kiser kundizzjonijiet imposti fuqu minn tliet sentenzi preċendenti u talli huwa riċediv.
Fi stqarrija maħruġa mill-pulizija, iż-żewġt irġiel daħlu f’residenza fis-Swieqi fejn serqu safe fejn fost oħrajn serqu ġojjellerija li jiżboq l-ammont sittin elf ewro. Il-ħalliela mbagħad ħarbu minn fuq il-post permezz ta’ vann tat-tip Ford Transit.
Aktar tard dik il-ġurnata, il-pulizija kienu nfurmati li l-ħallelin pruvaw ibiegħu l-ġojjellerija f’ħanut u minn hemmhekk skattat investigazzjoni fejn ġew elevati filmati tas-sigurtá li wasslu għall-identifikar tal-imputati.
Minn tfittxijiet li saru fil-vann, instabu diversi oġġetti li allegatament intużaw waqt is-serqa.
L-avukati tad-difiża Arthur Azzopardi, Amadeus Cachia u Franco Debono talbu għall-ħelsien mill-arrest fejn saħqu li l-pulizija għandhom evidenza biżżejjed li ma tistax tiġi mbagħbsa mill-imputati u għaldaqstant m’hemmx biża’ ta’ intraġġ.
Minkejja dan, il-Maġistrat Gabriella Vella ċaħdet it-talba għall-ħelsien għax l-investigazzjoni għadha fi stadju bikri. Dan filwaqt li fil-każ ta’ Jimenez saħqet li l-imputat mhuwiex affidabbli kif tixhed il-fedina penali kkulurita tiegħu.