Matul il-lejl li għadda, il-Pulizija tad-Distrett, bl-assistenza tal-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit (RIU), mit-Taqsima tat-Traffiku, mis-Sezzjoni tal-Klieb, mill-Garaxx tal-Pulizija, flimkien mal-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta, wettqu spezzjonijiet waqt kontrolli tat-traffiku f’diversi lokalitajiet.
Waqt dawn l-ispezzjonijiet, għadd ta’ sewwieqa ġew imħarrka minħabba ksur ta’ regolamenti tat-traffiku. Dawn l-ispezzjonijiet irriżultaw ukoll f’sejba ta’ droga, kif ukoll instabu oġġetti relatati mad-droga.
L-ewwel kontrolli saru fi Triq tal-Barrani, iż-Żejtun u fi Triq Għar Dalam, Birżebbuġa.
Waqt l-ispezzjonijiet:
- Twaqqfet vettura tal-għamla Peugeot fejn instab li s-sewwieq kien qiegħed isuq bil-liċenzja tas-sewqan mhux valida. Is-sewwieq ġie nfurmat li ser jinħarġu akkużi fil-konfront tiegħu.
- Grupp ta’ persuni li kienu qegħdin isuqu roti motoriżżati twaqqfu minħabba li wħud minnhom ma kellhomx id-dawl fuq il-parti ta’ quddiem tar-rota. Żewġ żgħażagħ minorenni ma tħallewx ikomplu jsuqu r-rota sabiex jiġi evitat xi inċident.
- Twaqqfet vettura tal-għamla Audi fejn irriżulta li s-sewwieq ma kellux liċenzja tas-sewqan valida u se jinħarġu akkużi kontrih.
- Twaqqfet vettura tal-għamla Suzuki fejn irriżulta li x-xufier ma kellux liċenzja tas-sewqan valida. Fl-istess ħin kien innotat li x-xufier kien qiegħed isuq taħt l-influwenza tal-alkoħol u għaldaqstant sar it-test tan-nifs li rriżulta fil-pożittiv.
- Twaqqfet Toyota Vitz u rriżulta li x-xufier ma kellux liċenzja tas-sewqan valida. Il-Pulizija nnutat ukoll li seta’ kien qiegħed isuq taħt l-influwenza tal-alkoħol. Sar it-test tan-nifs u rriżulta fil-pożittiv.
- Twaqqfet Toyota Vitz oħra u wkoll irriżulta li x-xufier ma kellux liċenzja tas-sewqan valida.
- Twaqqfet Citroen C4 fejn ix-xufier ukoll ma kellux liċenzja tas-sewqan valida.
Waqt l-ispezzjonijiet fi Triq Għar Dalam, ġew innotati diversi kontravenzzjonijiet oħra. Fost dawn, vettura li ma kelliex il-pjanċi tar-reġistrazzjoni mwaħħlin skont il-liġi; xufier ta’ vettura oħra ma kienx liebes ċ-ċintorin tas-sigurtà; twaqqfet vettura li ma kelliex il-pjanċa tar-reġistrazzjoni ta’ quddiem imwaħħla; kif ukoll twaqqfet vettura oħra minħabba li ma kelliex il-liċenzja tal-windscreen mhux valida.
L-ispezzjonijiet komplew fi Triq Aldo Moro, il-Marsa u fi Triq Dom Dom Mintoff, Raħal Ġdid.
Dawn l-ispezzjonijiet irriżultaw f’sejba ta’ sustanza suspettata cannabis u oġġetti relatati mal-użu tad-droga. F’dawn il-kontrolli ukoll ġie mħarrek xufier minħabba li ma kellux id-dwal tal-vettura skond il-liġi.