Ilejla d-DJ Tenishia se jingħaqad għal darb’oħra mal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta għall-kunċert mingħajr ħlas fil-kapitali bl-isem ta’ Tempo. Dan se jsir taħt id-direzzjoni ta’ Roderick Bugeja, u se jkollu taħlita ta’ siltiet popolari mit-tmeninijiet, u mużika House u Trance.
Dawn se jitħaltu ma’ mużika aktar klassika li se ‘twieġeb’ is-siltiet aktar moderni. Fost oħrajn se tindaqq mużika tas-surmast mibki Ennio Morricone.
Il-kunċert TEMPO diġà ra suċċess waqt il-ftuħ ta’ Valletta 2018, u l-Aġenzija hija ħerqana tilqa’ lill-pubbliku mill-ġdid għal edizzjoni aktar sajfija tal-kunċert. Dan il-kunċert se jkun l-ewwel avveniment kbir fil-Belt wara l-pandemija, u l-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli qalet li dan l-avveniment se jiġbed anki lit-turisti.