Infrastruttura Malta se tiftaħ l-ewwel triq ġdida fil-proġett tas-Central Link fl-aħħar ta’ Settembru li ġej.
Din it-triq hija karreġġjata b’żewġ korsiji minn Ħal Balzan għall-inħawi ta’ Wied Inċita f’Ħ’Attard.
Fi żjara mill-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg u s-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi, intqal li din il-ġimgħa il-kuntratturi bdew jiksu bl-asfalt partijiet mill-ewwel triq ġdida tal-proġett wara li aktar kmieni din is-sena ffurmaw l-istruttura tagħha u għaddew is-sistemi ta’ servizzi minn taħt l-art.
Fl-istess ħin, l-aġenzija bdiet ix-xogħlijiet ta’ fażi oħra minn dan il-proġett, Ii jinkludu t-twessigħ tal-aħħar parti ta’ Triq l-Imdina, minn Wied Inċita lejn Ta’ Qali, biex tintroduċi żewġ korsiji ġodda u korsija għar-roti u l-mixi mifruda mit-triq.
Iż-żewġ korsiji ġodda lejn il-punent (mill-Imrieħel lejn Ta’ Qali) li Infrastruttura Malta se tiftaħ f’Settembru jibdew mill-junction ta’ bejn Triq l-Imdina u Vjal De Paule (l-inħawi tal-Ġonna ta’ San Anton) u jaqbżu l-qalba ta’ Ħ’Attard qabel ma jerġgħu jingħaqdu ma’ Triq l-Imdina fl-inħawi ta’ Wied Inċita (ħdejn l-Isptar Monter Carmeli).
Meta l-proġett ikun lest, il-korsiji ġodda se jeliminaw diversi djuq u junctions b’sistemi ta’ traffic lights li qed jikkaġunaw problemi ta’ konġestjoni fil-qalba ta’ Ħ’Attard, Ħal Balzan, Ħal Lija u Birkirkara. Fl-istess waqt, dawn il-korsiji ġodda jiftħu spazji ġodda għal bankini aktar wesgħin, infrastruttura aktar sigura biex taqsam it-triq, waqfiet aħjar għall-karozzi tal-linja, korsiji ġodda għar-roti mifrudin mit-triq u aktar żoni msebbħin b’siġar u pjanti.
Biex jiffurmaw din il-parti tat-triq, il-ħaddiema skavaw 50,000 tunnellata ta’ materjal. Bnew 2.8 kilometri ta’ ħitan fil-ġnub tat-triq u użaw 32 tunnellata ta’ materjal biex bnew il-pedamenti tagħha.
Taħt il-wiċċ tat-triq ġdida, Infrastruttura Malta għaddiet 10 kilometri ta’ sistemi ġodda għas-servizzi taħt l-art, li jinkludu pajpijiet għall-ilma, katusi tad-drenaġġ, cables għad-dawl u l-Internet, kif ukoll sistema għall-ilqugħ tal-ilma tax-xita li se tingħaqad mal-mini tas-sistema nazzjonali ta’ kontra l-għargħar li hemm viċin.
Il-periti tal-aġenzija ddisinjaw il-karreġġjata ġdida lejn il-punent b’mod li jkollha l-inqas impatt possibbli fuq l-inħawi residenzjali fil-qrib.
Ix-xogħlijiet fuq Central Link Project bdew f’Jannar bit-tfassil tal-ewwel partijiet mill-karreġġjata b’żewġ korsiji li se tinfetaħ f’Settembru. Dan il-proġett tant mistenni huwa mfassal fuq pjanijiet li kienu parti mill-Pjan Lokali għaċ-Ċentru ta’ Malta tal-2006, li diġà kien identifika l-konġestjoni fi Triq l-Imdina, Triq in-Nutar Zarb u toroq oħrajn fil-madwar bħala problema kbira għal Ħ’Attard u lokalitajiet oħrajn fil-viċin.
Il-Ministru ghall-Infrastruttura Ian Borg qal li dan il-progett kien ilu maħsub mis-sittinijiet. Semma’ li l-pjanijiet originali nbidlu sabiex il-proġett ikun iżjed ħadrani.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej fakkar kif dan il-proġett qed isir b’kofinanzjament ta’ fondi Ewropej. Fakkar kif il-Gvern din il-ġimgħa ġab lejn pajjiżna €2.2 biljun f’fondi għas-seba’ snin li ġejjin. Semma’ li dan il-proġett hu xhud għall- importanza tal-fondi Ewropej fl-iżvilupp ta’ kwalità ta’ ħajja aħjar f’pajjiżna.
Is-Central Link Project huwa investiment ta’ €55 miljun biex jonqos il-ħin fl-ivvjaġġar, titjieb il-kwalità tal-ajra u jinħolqu faċilitajiet aktar siguri għall-mezzi tal-ivvjaġġar alternattivi fir-rotta ta’ toroq ewlenin bejn l-Imrieħel u Ta’ Qali.