Ma kinitx deċiżjoni faċli xejn iżda ħassejt li kelli nieħu dan il-pass anke fid-dawl tan-natura tax-xogħol tiegħi.
Hekk stqarr il-Kunsillier tas-Siġġiewi Dr Kurstein Sant meta kien qed jitkellem waqt il-programm 360 dwar id-deċiżjoni tiegħu li jħalli l-kariga ta’ Sindku.
Dr Sant qal li x-xogħol tiegħu bħala kirurgu tal-ortopedija fl-aħħar xhur żdied b’mod sostanzjali tant li ħass li ma setax jibqa’ jaqdi l-irwol bħala Sindku tas-Siġġiewi.
“Ma stajtx nibqa’ nagħti l-focus kollu tiegħi anke meta tqis li ħafna mix-xogħol tiegħi qed jieħu mill-focus tiegħi. Huwa xogħol stressanti wkoll, anka fis-sala tal-operazzjonijiet trid tiffoka u mal-kunsill qed inħoss li dik kienet l-aħjar deċiżjoni.”
Min-naħa tiegħu s-Sindku l-ġdid tas-Siġġiewi Dominic Grech faħħar il-kuraġġ li Dr Sant wera meta ġie biex jieħu din id-deċiżjoni.
Dan filwaqt li sellem il-ħidma li huwa għamel fl-aħħar sena bħala Sindku.
“Ammirajt il-kuraġġ u r-responsabilità li Kurstein u anke rrid insemmi wkoll il-viċi-sindku Rodianne Haber li kellna jiem li kienu ta’ challenge għalina, li jittieħdu deċiżjonijiet kbar u nerġa ngħidha pubblikament. Nirringrazzja lil Kurstein għas-servizz siewi u kultant u b’mod umli li serva fl-ispirtu ta’ din il-kariga fl-aħħar sena.”
Waqt il-programm iż-żewġ kunsilliera tkellmu dwar ħidmet il-Kunsill tas-Siġġewi b’maġġoranza Laburista.
Ħidma li diġa bdiet tagħti l-frott tagħha.