Il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia talab biex il-Ġimgħa 31 ta’ Lulju jitlaqqa’ l-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista sabiex jitlob għal vot tal-Kunsilliera ħalli tliet ġimgħat oħra titlaqqa’ Konvenzjoni Ġenerali u jittieħed vot ta’ fiduċja fil-Kap mit-tesserati.
Dan ħabbritu stqarrija tal-Partit Nazzjonalista waqt laqgħa oħra taħraq tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista li ntalbet minn Adrian Delia stess. Fl-ittra tiegħu lill-President tal-Kunsill Ġenerali, Delia kkwota l-istatut tal-Partit fejn jgħid li meta jitlob għal Kunsill Ġenerali l-Kap, l-aġenda tiegħu tiġi magħmula mill-Kap.
Fil-fatt, fl-ittra tiegħu Delia qal li fil-Kunsill Ġenerali se jkun hemm biss l-indirizz tiegħu u l-vot tal-Kunsilliera biex titlaqqa’ l-Konvenzjoni Ġenerali tliet ġimgħat wara.
Delia għamel din il-mossa wara li fuq perjodu ta’ ġimgħa tilef tliet voti ta’ fiduċja, tnejn fost l-organi tal-Partit u ieħor quddiem il-President tar-Repubblika George Vella.
L-ewwel vot li tilef Delia kien dak tal-Grupp Parlamentari li matulu, dsatax-il deputat sfiduċjaw il-Kap tagħhom u ftit sigħat wara nnominaw lil Therese Comodini Cachia għall-kariga ta’ Kap tal-Oppożizzjoni
Wara dan l-iżvilupp, il-President ta’ Malta George Vella ltaqa’ mal-membri Parlamentari individwali kollha tal-Partit Nazzjonalista fejn għal darba oħra reġgħu kkonfermaw li m’għandhomx fiduċja fil-kap.
L-aħħar vot li tilef Adrian Delia seħħ propju ġimgħa ilu fejn Delia ġie sfiduċjat ukoll waqt l-aħħar laqgħa tal-kumitat eżekuttiv.