M’hemm l-ebda recording ta’ Melvin Theuma mħassar – One News

Notifiki

M’hemm l-ebda recording ta’ Melvin Theuma mħassar

Ma kien hemm l-ebda recording moħbi jew mħassar li ħa Melvin Theuma, il-middleman fil-każ ta’ qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Bir-recordings kollha jinsabu għand il-Europol.

Qal dan l-ispettur Kurt Zahra hekk kif l-Erbgħa kompliet il-kumpilazzjoni kontra n-negozjant Yorgen Fenech, is-suspettat mandant fil-qtil ta’ Caruana Galizia.

Quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello, ġiet ippreżentata l-maħfra presidenzjali li ngħata Melvin Theuma.

Theuma kellu jkompli l-kontro-eżami, iżda l-ispettur Zahra informa lill-qorti li mhux se jitla’ jixhed minħabba li qed jiġi rikoverat l-isptar wara l-każ tat-Tlieta filgħaxija.

Xehed l-eks Kummissarju tal-pulizija Lawrence Cutajar, li kien qed jiġi assistit mill-avukat Ezekiel Psaila.

L-eks Kummissarju qal li meta ġie arrestat Melvin Theuma beda jinsisti li jiġi assistit minn avukat tal-Partit Nazzjonalista; Simon Busutti jew Jason Azzopardi jew Karol Aquilina jew Beppe Fenech Adami.

Qal li meta l-pulizija kellha recordings ta’ Theuma f’idha, bdew il-laqgħat kemm fuq il-proklama kif ukoll fuq l-investigazzjonijiet.

Qal li kien saru laqgħat ukoll Kastilja li għalihom kien ikun hemm preżenti l-investigaturi, l-eks Prim Ministru Joseph Muscat u Keith Schembri.

Taħt ġurament, Lawrence Cutajar tkellem dwar laqgħa li kellu ma’ Edgar Brincat magħruf bħala l-Ġojja u ħabib ta’ Melvin Theuma. Qal li mar id-dar tiegħu b’ċitazzjoni. Meta kien għandu Cutajar saqsih dwar Theuma u jekk jafx li għandu xi recordings b’rabta mal-qtil.

Cutajar qal li hu qatt ma tkellem mal-Ġojja la fuq flus, raidds jew proklama.

“Jekk xi ħadd jgħid li Theuma tani xi flus minħabba l-proklama, jew ikun qed jigdeb jew inkella qed jibbluffja. Melvin Theuma stess qal taħt ġurament li kien isemmi lili biex jibbluffja”, qal Lawrence Cutajar taħt ġurament.

Għal xi ħin is-seduta kompliet fil-magħluq minħabba li l-ispettur Keith Arnaud informa lil qorti li qed jissemmew xi nies li m’għandhom l-ebda konessjoni ma’ dan il-każ.

Meta s-seduta reġġħet bdiet tinstema’ fil-miftuħ il-Maġistrat Rachel Montebello ddediċiet li r-recordings m’għandhomx jinstemgħu fil-pubbliku hekk kif jistgħu jkunu ta’ detriment għal terzi persuni kif ukoll fl-interess tal-ġustizzja.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend