Il-PM isemmi sensiela ta’ oqsma li se jgawdu bil-pakkett xieraq ta’ fondi Ewropej għal Malta – One News

Notifiki

Il-PM isemmi sensiela ta’ oqsma li se jgawdu bil-pakkett xieraq ta’ fondi Ewropej għal Malta

L-Erbgħa filgħaxija fil-Parlament, il-Prim Ministru Robert Abela għamel stqarrija Ministerjali dwar l-aħħar laqgħa tal-Kunsill Ewropew li fiha pajjiżna kiseb l-akbar pakkett ta’ fondi Ewropej fl-istorja ta’ Malta msieħba fl-Unjoni Ewropea.

Il-Prim Ministru fakkar fl-avvanzi ekonomiċi kbar li għamel pajjiżna u r-rati ta’ qgħad baxxi.

Qal li l-Unjoni Ewropea ma kelliex it-tieni l-akbar kontributur għall-budget nett, jiġifieri lir-Renju Unit, iżda pajjiżna rnexxielu jġib pakkett tajjeb ta’ fondi għas-seba’ snin li ġejjin.

Il-Prim Ministru stqarr, “Madanakollu, meta wieħed iqis l-ammont ta’ fondi allokati, il-bilanċ li jibqalna f’idejna baqa’ ferm pożittiv – anke meta wieħed jeskludi l-istrument ta’ rkupru.”

Il-Prim Ministru spjega kif dan il-pakkett ġust u xieraq għal Malta se jkun qed jgħin bosta oqsma f’pajjiżna fosthom anki programmi ambjentali u oqsma fl-innovazzjoni diġitali u s-sigurtà ta’ pajjiżna.

Fil-Parlament, il-Prim Ministru Robert Abela semma oqsma oħra li se jgawdu minn finanzjament Ewropew li rnexxielu jassigura l-Gvern.

“Inkomplu nsaħħu l-investimenti fi proġetti kapitali f’pajjiżna speċjalment permezz tal-fondi ta’ koeżjoni; ninvestu fil-politika tal-agrikoltura tagħna speċjalment fl-iżvilupp rurali;se ngħinu lis-settur tas-sajd u l-industrija tal-akwakultura; ħa nkomplu nħeġġu lill-istudenti, liż-żgħażagħ u lir-riċerkaturi tagħna biex ikollhom aktar opportunitajiet; opportunitajiet li jieħdu edukazzjoni u taħriġ kemm f’Malta u anke lil hinn minn xtutna.” Kompla jsostni l-Prim Ministru.

Il-Prim Ministru semma kif fl-isfond tan-negozjati kien hemm diskussjonijiet marbuta mas-saltna tad-dritt biex stati membri jkollhom aċċess għall-fondi Ewropej.

Qal li dan sar ukoll fl-isfond tar-riformi li qed jimbotta l-Gvern biex tissaħħaħ l-indipendenza tal-ġudikatura, l-infurzar u s-saltna tad-dritt kienu importanti ferm f’dawn in-negozjati u saħaq li jittama li jsib l-appoġġ tal-Oppożizzjoni bil-vot tagħha l-ġimgħa d-dieħla dwar diversi liġijiet.

Dr Abela saħaq, “Ninsab sodisfatt li urejna li kapaċi nikkonvinċu b’argumenti sodi sabiex ksibna pakkett ġust u li jagħmel ġieħ lil pajjiżna. L-impenn tal-gvern hu li issa dan l-investiment f’Malta u f’Għawdex jissarraf fi proġetti konkreti biex il-Maltin u l-Għawdxin igawdu minn din l-allokazzjoni.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend