Notifiki

Il-Malta Air Traffic Services bi rwol kruċjali fit-traffiku tal-ajru

Ta’ kuljum, il-Malta Air Traffic Services minn wara l-kwinti tkun qed taħdem fuq bażi ta’ 24 siegħa sabiex insiefru, nilqgħu lit-turisti u lil qrabatna minn barra u nirċievu l-merkanzija.

Sostna dan il-Ministru għat-Trasport Ian Borg meta żar iċ-ċentru minn fejn topera l-Malta Air Traffic Services. Din l-entità tinkludi t-torri tal-kontroll u tieħu ħsieb il-komunikazzjoni u d-direzzjonijiet għal kull ajruplan li jidħol, joħroġ jew jgħaddi minn fuq l-ispazju tal-ajru f’Malta.

Il-Ministru Ian Borg qal li din l-entità hija essenzjali għas-settur tal-avjazzjoni hekk kif mingħajr l-operat tagħha, l-ebda konnessjoni bl-ajru ma tista’ tkun possibbli.

Semma li minkejja li l-pandemija ġabet ħafna inċertezza minħabba l-limitazzjonijiet tat-titjiriet madwar id-dinja kollha u l-għeluq tal-ajruport f’pajjiżna, xorta waħda l-MATS kienet minn ta’ quddiem biex tagħti l-għajnuna tagħha.

Fost din l-għajnuna kien hemm dik biex jinġjiebu Maltin maqbudin barra, il-wasla ta’ merkanzija essenzjali inkluż tagħmir mediku u l-operat kontinwu tal-Forzi Armati u l-ambulanza tal-ajru.

Il-Ministru temm jgħid li l-gvern jibqa’ kommess li jgħin lil dawk l-industriji li ntlaqtu l-iżjed minn din il-pandemija biex jirkupraw filwaqt li l-MATS se tkompli tpoġġi fuq quddiem nett is-sigurtà, il-kwalità tas-servizz u lill-ħaddiema tagħha.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend