Pożittività u mużika mill-aqwa!
Din se tkun l-atmosfera fis-sebgħa u fit-tmienja ta’ Awwissu li ġej waqt il-wieħed u għoxrin edizzjoni tal-Għaxaq Music Festival.
Fost l-artisti lokali li se jieħdu sehem f’dan il-festival hemm Tribali, Sterjotipi, The Travellers u Xarulú.
Waqt it-tnedija ta’ dan il-festival il-Ministru għall-Kultura Josè Herrera qal kif il-Gvern huwa kommess li jkompli jgħin lill-artisti Maltin anki permezz ta’ festivals li jservu ta’ pjattaforma mużikali.
Is-Segretarju Ġenerali tal-għaqda Mużikali Santa Marija ta’ Ħal Għaxaq, John Agius qal li dan il-festival isir ukoll bl-għajnuna ta’ għadd ta’ voluntiera.
“Hija tip ta’ attività li fiha tħaddem sistema ta’ volontarjat tiegħek, bil-voluntiera ta’ età diversi, b’kapaċitajiet diversi qed joganizzaw mill-bidu sal-aħħar dan il-festival”
L-artisti minn Tribali u The Travellers qalu li jinsabu onorati li se jieħdu sehem f’dan il-festival.
Huma qalu wkoll kif permezz ta’ dan il-festival, li huwa organizzat flimkien mal-Kunsill Malti għall-Arti u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu qed juru x-xogħol tagħhom wara l-pandemija.