Bernard Grech jibda jdur il-każini u jipponta biex jieħu post Delia  – One News

Notifiki

Bernard Grech jibda jdur il-każini u jipponta biex jieħu post Delia 

L-avukat Bernard Grech, li qed jissemma ħafna li fil-futur qrib jista’ jieħu f’idejh it-tmun tal-Partit Nazzjonalista beda jdur il-każini.

Matul il-jum tal-Ħadd Bernard Grech beda jżur il-każini Nazzjonalista u mar fil-każin Nazzjonalista tal-Imġarr.

Grech, li jkun mistieden fuq ix-xandir biex ikun ta’ feles għall-Partit Nazzjonalista u jimbotta lilu nnifsu bħala s-salvazzjoni tal-partit tal-maduma, tella’ anki ritratti fuq il-profil tiegħu fuq facebook biex juri x’qed jagħmel.

Sorsi fid-Dar Ċentrali li tkellmu magħna qalu li din il-mossa xejn ma għoġbot lin-nies ta’ Delia li interpretawha bħala waħda li fiha ħafna x’tifhem u li Bernard Grech diġà qed joħroġ għan-nofs lil Delia.

Dawn l-istess nies qrieb Delia nstemgħu jgħidu li Grech beda jiltaqa’ mat-tesserati u l-partitarji sabiex jikkontesta għal Kap Nazzjonalista.

Minkejja li bħalissa Adrian Delia huwa l-Kap u sa sena ilu kien igawdi l-fiduċja mill-kunsillera, issa li ġie sfiduċjat tliet darbiet, id-deputati ribelli qed jippruvaw iwasslu sabiex issir elezzjoni għal Kap Nazzjonalista.

Sorsi fid-Dar Ċentrali qalulna li jidher li Bernard Grech beda baxx baxx bil-kampanja tiegħu billi jibda jżur l-każini, sabiex jekk ikun hemm elezzjoni għal Kap, dan jibdew isiru jafuh it-tesserati u jipprova jegħleb lil Adrian Delia.

Dawk qrib l-Kap Nazzjonalista qalulna li mhux eskluż li Bernard Grech huwa persuna imbuttata mill-fazzjoni ta’ Simon Busuttil sabiex jieħu post Adrian Delia.

Fil-fatt nhar il-Ġimgħa waqt li d-deputat nazzjonalista Jason Azzopardi beda jagħmel il-mistoqsijiet waqt l-inkjesta pubblika b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Bernard Grech għamel xi ħin fl-awla jisma’ lil Jason Azzopardi.

Il-mossa li għamel il-Ħadd Bernard Grech kompliet toħloq aktar rabja fin-nies ta’ Adrian Delia, irrabjati li hemm nies li qed jagħmluha daqshekk ovvja li jridu jieħdu post il-Kap.

“Mhux biżżejjed hemm Comodini Cachia li tridha ta’ Kap tal-Oppożizzjoni, issa qam dan”, qalilna l-istess sors tagħna fid-Dar Ċentrali.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

1 Comment

  1. X’differenza se taghmel lil movement li jien man hosniex parti minnu b’X nazzjonalisti fit tmexxija ta dan il gvern meta l’anqas jirrispettaw il parir li kien qal Don Mintoff 7 ta Marzu 1976.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend