Il-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit, tal-Investigazzjonijiet Kriminali u tad-Distrett ta’ San Ġiljan arrestaw żewġ ġuvintur b’rabta ma’ allegat hold up f’Pembroke. Il-każ seħħ it-Tnejn waranofsinhar meta żewġ ġuvintur mgħammda avviċinaw grupp ta’ persuni li kienu qed jgħumu fil-White Rocks. Fis-siegħa u l-ħin persuna minnhom allegatament ħareġ arma tan-nar u ppuntaha lejn ras raġel li kien max-xtajta u talbu l-flus.
Raġel ieħor li kien qed tgħum tela’ għaż-żewġ irġiel li kienu qed iwettqu l-hold-up bil-konsegwenza li dawn ħarbu jiġru fid-direzzjoni tal-boat-houses ta’ Baħar iċ-Ċagħaq b’basket li laħqu serqu mingħand wieħed mill-irġeil.
Filmati ta’ ONE News minn fuq il-post fejn seħħ ir-reat wrew li immedjatament wara li seħħ ir-reat, l-Pulizija bdiet bit-tfittxijiet tagħha fiż-żona ta’ bejn il-White Rocks u Baħar iċ-Ċagħaq fejn wara madwar sagħtejn ġew arrestati żewġ ġuvintur Maltin ta’ 18 u 22 sena. Huwa mifhum li l-arma allegatament intużat mill-ġuvni ta’ 18-il sena. Iż-żewġ żgħażagħ ittieħdu fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija għal aktar stħarriġ.