Ma’ DCG kelli relazzjoni professjonali kif kelli ma’ kull ġurnalist, imma bil-kitba tagħha fuqi kienet tweġġagħni – Kurt Farrugia – One News

Notifiki

Ma’ DCG kelli relazzjoni professjonali kif kelli ma’ kull ġurnalist, imma bil-kitba tagħha fuqi kienet tweġġagħni – Kurt Farrugia

“Ma’ Daphne Caruana Galizia kelli relazzjoni professjonali kif kelli ma’ kull ġurnalist, imma bil-kitba tagħha fuqi kienet tweġġagħni ħafna.”

Xehed dan l-eks Kap tal-Komunikazzjoni tal-Gvern Kurt Farrugia fl-inkjesta pubblika b’rabta mal-qtil ta’ Caruana Galizia.

“Minkejja li kelli relazzjoni professjonali magħha, fil-kitba tagħha kienet tweġġagħni u tattakkani ħafna. Kienet tgħid li jien oħxon, qasir, stupidu, injorant u tikteb għax ratni barra mal-mara. Kienet tweġġa’ lil ħafna tfal ta’ politiċi, però dejjem żammejna l-kalma u ma konniex nattakkaw lura”  xehed Kurt Farrugia.

Irrakkonta kif fl-2008 huwa kien editur tal-Maltastar u hi dejjem kienet tikkritika esponenti tal-Partit Laburista.

Irrakkonta kif waqt id-dibattitu tal-mexxeja fl-Università fl-2008 fl-udjenza kien hemm Daphne Caruana Galizia u meta ssemmew il-kliem ‘parrokki’ u ‘kanċer’ waqt id-dibattitu, hi kienet qed tkompli fl-istorbju. Dakinhar huwa kien għamel rapport fuq dan.

Qal li Daphne mhux dejjem kienet tagħti informazzjoni korretta hawnhekk semma l-istorja ta’ Egrant u kif għex dan kollu ma’ Joseph Muscat.

Kurt Farrugia qal li wara l-elezzjoni tal-2017, Daphne Caruana Galizia kienet naqqset id-doża fuq il-Gvern u bdiet tikteb ħafna fuq l-elezzjoni għall-Kap tal-PN.

Mistoqsi dwar dakinhar li nqatlet Caruana Galizia, xehed eżatt bħal ma qal Joseph Muscat.

Żied jgħid, “Dak il-ħin qisha waqgħet id-dinja fuqi. Daħal Keith Schembri ħdejja u ħdejn il-Prim Ministru u kien hemm arja ta’ xokk. Il-Prim Ministru ċempel lil Adrian Delia u għamel konferenza tal-aħbarijiet”.

Kurt Farrugia spjega kif wara l-qtil, darba kien kien msejjaħ mill-Prim Ministru biex jattendi għal laqgħa fuq azzjonijiet li se jieħdu l-pulizija fuq l-allegat eżekutturi fil-qtil. Preżenti kien hemm il-Prim Ministru, Keith Schembri, l-Brigadier Jeffrey Curmi u l-ispettur Keith Arnaud.

Qal li hu ma kienx jaf min huma dawk li se jiġu arrestati għax fil-bidu tal-laqgħa l-Prim Ministru qal li ma jridx ikun jaf ismijiet imma kienu jirreferu għalihom bħala A, B jew Ċ.

Dwar il-Panama Papers, qal illi huwa tkellem kemm ma’ Keith Schembri kif ukoll ma’ Konrad Mizzi. Lil Konrad Mizzi kien qalu li jekk hemm xi ħaġa mhux f’postha aħjar jitkellem issa u ma jikkontestax għal Deputat Mexxej.

Taħt ġurament, Farrugia qal li illum il-ġurnata meta jisma’ ċerti affarijiet jiddarras ħafna, għax kien hemm grupp ta’ nies li jaħdmu lejl u nhar u dak kollu li ra kien kollu qed isir b’rieda tajba.

“Jien qatt m’attendejt għal laqgħat li fihom smajt jew rajt xi ħaġa li minnha se jibbenifika xi ħadd għall-gwadann personali” xehed Farrugia.

Qal li huwa kburi bix-xogħol li għamel għall-Partit Laburista kemm fuq aspett soċjali kif ukoll dwar libertajiet ċivili.

Mistoqsi dwar Yorgen Fenech, Kurt Farrugia qal li kien jaf li Keith Schembri kien jaf lil Yorgen Fenech iżda ma kien jafx li huma viċin ħafna.

Dwar l-allegazzjonijiet ta’ 17 Black, Kurt Farrugia qal li huwa kien qed jingħata tweġibiet mhux sodisfaċenti minn Keith Schembri.

Waqt ix-xhieda, oħt Daphne Caruna Galizia dehret tfittex affarijiet minn fuq il-laptop tagħha sabiex d-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi, isaqsi lil Kurt Farrugia dwarhom.

Saħansittra Jason Azzopardi, bed jieħu l-ordnijiet minn oħt Caruana Galizia u deher jitlob lil ħaddiema tal-qorti sabiex jipprintjawlu l-karti.

Jason Azzopardi ġie mwiddeb diversi drabi mill-bord tal-inkjesta sabiex isaqsi mistoqsijiet relevanti.

Saqsa jekk Kurt Farrugia hux se jerġa’ jidħol jaħdem Kastilla, imma l-membri tal-bord tal-inkjesta qalulu sabiex ma jsaqsix dawn il-mistoqsijiet.

Fost numru ta’ allegazzjonijiet li għamel, allega li Kurt Farrugia qed jirċievi paga mill-uffiċċju tal-Prim Ministru iżda Farrugia ċaħad din l-allegazzjoni u qal li dejjem paga waħda irċieva.

Kurt Farrugia kien assistit mill-avukati Pawlu Lia u Charlon Gouder.

Ta’ QabelLi Jmiss

1 Comment

  1. Tweġibiet tajbin u fihom x’togħmod! Mela hekk sew ngħajtu u nagħmlu l-istorbju meta ssemmew il-parrokki u l-kanċer imbagħad iriduha qaddisa! Tgħid għandu xi jgħid is-sur Charles Jude dwar dawn il-ħniżrijiet jew selettiv ukoll dwar xiex jitkellem?

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend