Għal dan l-aħħar xhur issoktat ħidma fil-lokalitajiet differenti f’Malta u Għawdex sabiex titqajjem kuxjenza dwar l-importanza tal-konservazzjoni tal-ilma bħala parti mill-kampanja nazzjonali “Ilma – Ibda Minnek”.
Il-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma Michael Farrugia llum żar il-Mosta, fejn mijiet ta’ nies marru jiġbru pakkett ta’ għodda biex jużawh fid-djar tagħhom biex jiffrankaw il-konsum tal-ilma.
Il-Ministru Farrugia li fil-qofol ta’ din il-kampanja hemm l-aspett komunitarju biex nagħmlu dak il-ftit flimkien bil-għan li nikkonservaw l-ilma prezzjuż ta’ pajjiżna.
Sostna li huwa ħafna iktar faċli milli wieħed jaħseb biex niffrankaw il-konsum tal-ilma, l-aktar meta ninstallaw l-apparat biex niffrankaw l-ilma.
Bħala parti mill-kampanja, kull residenza f’Malta u Għawdex se tkun qed tirċievi żjara mit-tim ta’ uffiċjali tal-ilma li se jkunu qed iqassmu gift packs bieb bieb.
Dawn il-gift packs jinkludu ‘aerator‘ li jnaqqas mill-fluss tal-ilma waqt li jżomm l-ammont ta’ pressa, kif ukoll ‘plate scraper’ li jiżgura li l-platti maħmuġin ikunu jistgħu jinħaslu iktar faċilment, kemm fis-sink kif ukoll fid-dishwasher.
Il-pakkett jinkludi wkoll fuljett ta’ informazzjoni b’pariri ta’ kif tista’ tiffranka l-ilma, kif ukoll vawċer li jissarraf fit-tieni pakkett ta’ għodda li jiffrankaw il-konsum tal-ilma.
It-tieni pakkett jinkludi fih 5 apparati effettivi, bħal ‘low flow shower head’ li huma faċli sabiex tinstalla u li huma garantiti li jnaqqsu l-konsum tal-ilma mingħajr ma jnaqqsu l-fluss u l-kwalità.
Il-vawċers jistgħu jissarrfu mill-mobile unit jew mill-Uffiċċju tal-Informazzjoni miċ-Ċentru Nazzjonali għall-Konservazzjoni tal-Ilma, GĦAJN fir-Rabat.