Impjant biex jippurifika l-ilma f’Mater Dei jagħti kura aħjar lil dawk morda bil-kliewi – One News

Notifiki

Impjant biex jippurifika l-ilma f’Mater Dei jagħti kura aħjar lil dawk morda bil-kliewi

Waqt żjara li għamel fit-taqsima għall-kura tal-mard fil-kliewi, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li f’din it-taqsima hemm impjant ta’ Reverse Osmosis li jippurifika l-ilma.

Bħalissa, f’Malta hawn madwar mitejn u għoxrin pazjent b’mard fil-kliewi u li jieħdu trattament ta’ haemodialysis b’mod regolari mill-Isptar Mater Dei.

Biex il-magni tal-haemodialysis ikunu jistgħu jaħdmu jkollhom bżonn ilma purifikat.
Chris Fearne spjega li għal kull ċiklu ta’ haemodialysis jiġi użat madwar mitejn litru ta’ ilma purifikat.

Saħaq li meta wieħed jikkunsidra li ta’ kull ġimgħa fl-Isptar Mater Dei jsiru ħames mitt ċiklu ta’ haemodialysis, iċ-ċifri li jintużaw kull ġimgħa huma kbar.

Waqt iż-żjara ntqal li apparti l-impjant tar-Reverse Osmosis, fl-aħħar xhur sar investiment fuq magni li jistgħu jiċċaqilqu u li jippurifikaw l-ilma.

B’hekk dawn jistgħu jintużaw fi swali oħra fejn ukoll issir l-haemodialysis, fosthom fit-taqsima tal-kura intensiva u fiċ-ċentru tal-onkoloġija.

Il-Ministru għas-saħħa fakkar kif fl-aħħar snin sar investiment kbir fit-taqsima għall-kura tal-kliewi fejn ġew mibdula l-magni kollha li jagħtu l-haemodialysis għal magni aktar effiċjenti li jħallu inqas strapazz fuq il-pazjenti.
Dan l-investiment kien jammonta għal ħames miljun ewro.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend