Min irid li ssir elezzjoni għal Kap, u min irid li Delia jibqa’ fit-tmun.
Min iddispjaċut bil-vot ta’ sfiduċja mid-deputati nazzjonalisti f’Delia, u min daħal l-istamperija determinat sabiex jisfiduċja lil Kap.
Din kienet l-atmosfera barra d-Dar Ċentrali, hekk kif aktar minn tmenin membru tal-eżekuttiv daħlu għal-laqgħa tal-eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista.
Id-deputat nazzjonalista Mario Galea, li għadu leali lejn il-Kap, akkuża lid-deputati li sfiduċjaw lil Kap bi tfixkil.
“Jiddispjaċik li qegħdin jagħmlu ħsara lil Partit? Jiddispjaċini iva. Dawn id-deputati qegħdin jgġidu li jaħdmu interess għal partit? Interess ta’ tfixkil.”
Mario Galea semma lill-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil u akkużah li hu beda bil-bsaten fir-roti lejn Adrian Delia.
“Telgħuh it-tesserati minkejja li kien hemm Kap Simon Busuttil li qal li l-proċess kien ivvizzjat għax qal li għandu jikkunsidra l-pożizzjoni tiegħu.”
Galea ddikjara li m’għandiex issir tellieqa oħra għal Kap Nazzjonalista.
“Leadership contest? Jien ma naqbilx, le. Dejjem jgħidu li se jieqfu u jerġgħu jaqilgħu oħra.”
Min-naħa l-oħra, id-deputat li ħadem bis-sħiħ biex Delia sar kap iddikjara li ried tellieqa oħra.
“Għandu jkun hemm leadership race? Iva.”
Hermann Schiavone, li kien wieħed leali lejn Adrian Delia, ġimgħa ilu sfiduċjah, f’dak li qed jitiqies att ta’ tradiment.
“Int kont wieħed leali? Leali. Leali u sfiduċjat ? Ma jimpurtax.”
Andre Grech, membru tal-eżekuttiv leali lejn Adrian Delia, tkellem dwar id-dispjaċir tiegħu wara li ġimgħa ilu kien iddikjara li għandhom jittieħdu passi fil-konfront tad-deputati li sfiduċjaw lil Kap Nazzjonalista.
“Iddispjaċut ħafna, iddeċidew li jieħdu deċiżjoni ta’ kulħadd f’idejhom.”
Akkużhom ukoll li mhux jaċċettaw l-verdett demokratiku.
“L-istorja turi li Adrian Delia ġie ikkonfermat b’aktar minn żewg terzi, ma rnexxilekx tirbaħ, pruvajt tirbaħ f’forum.”
Grech fakkar x’ġara fi żmien Lawrence Gonzi.
“Lawrence Gonzi se jattendi l-laqgħa u ma nistghux ninsew li fl-2013 meta Franco Debono vvota kontra. Nippretendi li jkun hawn kontinwità.”
Intant spikka l-kumment ta’ Therese Comodini Cachia.
“Ir-reazzjoni tagħna l-PN dejjem fittex l-għaqda.”