BIL-FILMAT: Louis Galea jgħid li Delia ma jistax jibqa Kap u akkużah li qed jabbuża mil-lealtà tat-tesserati – One News

Notifiki

BIL-FILMAT: Louis Galea jgħid li Delia ma jistax jibqa Kap u akkużah li qed jabbuża mil-lealtà tat-tesserati

Louis Galea ngħaqad ma’ esponenti oħra Nazzjonalisti u talab lil Adrian Delia biex jirriżenja minn Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Fi stqarrija ta’ żewġ paġni qal b’mod ċar li l-Oppożizzjoni għandha jkollha mexxej ġdid mill-aktar fis.

Huwa qal li għandha ssir elezzjoni ġusta għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Fl-istqarrija, dak li Adrian Delia qabbdu biex jagħmillu l-bidliet fl-istatut, attakkah bla rażan u qallu biex jieqaf jabbuża mil-lealtà u t-tjubija tat-tesserati.

Louis Galea qal li huwa għal kollox ħażin u żbaljat li Delia ibaxxi l-organi tal-partit li sfiduċjawh, jiġifieri l-grupp parlamentari u l-eżekuttiv.

L-eks Segretarju Ġenerali Nazzjonalista tat-tmeninijiet fisser li l-voti ta’ sfiduċja mill-maġġoranza tad-deputati u l-membri tal-eżekuttiv mhumiex voti kontra l-interessi tal-partit imma espressjoni libera u demokratika.

“Ma naf bl-ebda pajjiż demokratiku fejn mexxej politiku jitlef il-fiduċja tal-maġġoranza tal-membri parlamentari tiegħu u tal-eżekuttiv nazzjonali tal-partit u dan il-mexxej ma jagħżilx it-triq ovvja u onorabbli li jwitti t-triq għal bidla fit-tmexxija”, saħaq Louis Galea.

L-eks Ministru Nazzjonalista, li fl-aħħar elezzjoni ġenerali li rebaħ il-Partit Nazzjonalista baqa’ l-art, saħaq li ħadd qatt ma jgħaddilu minn moħħu li jekk Gvern jitlef vot ta’ fiduċja mid-deputati tiegħu, dan joħroġ jgħid li l-vot hu bla konsegwenza.

Louis Galea, li nqabad mhux darba biss jorganizza laqgħat sigrieta u ta’ konfoffi f’daru fis-Siġġiewi ma’ esponenti tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil, saħaq li t-tesserati ma rawx lil Delia jimplimenta l-mod ġdid iżda raw lill-Partit Nazzjonalista jsofri emoraġija ta’ appoġġ u fiduċja.

Louis Galea saħaq li wisq jibża’ illi jekk ma jkunx hemm tmexxija ġdida li kapaċi tgħaqqad l-opinjonijiet differenti fil-Partit Nazzjinalista, l-istatut li għamel hu, li sejjaħlu pedament għall-futur, ma jissarrafx fil-ġid li għandu l-mira u l-potenzjal li jilħaq.

Filwaqt li qal li l-istatut il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista jikkonferma li l-għażla finali tal-Kap titħalla f’idejn it-tesserati huwa qal li Kap hu soġġett għall-kontabbilità lejn l-organi tal-partit f’tal-Pietà.

Louis Galea temm l-istqarrija mimlija attakki sfrenati lejn Delia biex dan jitlaq ma jdumx, billi ingħaqad mal-appell tal-eks Kap Nazzjonalista u eks Prim Ministru Lawrence Gonzi li fl-eżekuttiv talab li għandha ssir elezzjoni għall-Kap.

Intant ftit tal-jiem ilu fuq ix-xandir nazzjonali, Louis Galea kien għamel din id-dikjarazzjoni li tmur għal kontra ta’ dak li stqarr l-Erbgħa filgħodu.

“U llum temmen illi Dr. Adrian Delia għandu jkun il-Kap attwali li jieħu l-Partit Nazzjonalista sal-elezzjoni?”

“Bla dubju ta’ xejn.”

Aqra wkoll:

Delia jwaqqaf lil Louis Galea mir-riformi fil-PN

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend