Deloitte ordnata tħallas €42,000 f’danni wara li pinġiet stampa oħra tal-Priceclub – One News

Notifiki

Deloitte ordnata tħallas €42,000 f’danni wara li pinġiet stampa oħra tal-Priceclub

Il-kumpanija tal-Awditjar ‘Deloitte’ ġiet ordnata tħallas €42,000 f’danni lill-kumpanija ‘Valle Del Miele’.  Dan wara li d-‘Deloitte’ tilfet appell kontra sentenza tal-qorti, li kienet sabet li l-kumpanija kienet negliġenti fil-mod ta’ kif fl-awditjar tal-‘Priceclub supermarkets’ lura fis-sena 2000, l-kumpanija kienet pinġiet l-istampa b’mod ottimista u ma urietx l-problemi finanzjarji serji li kienet qed taffaċja l-kumpanija.

Għalkemm kien ġie ppubblikat l-eżitu tal-awditjar l-‘Priceclub’ kienet waqqfet il-ħlas lill-‘Valle Del Miele’, li kienet kreditur tagħha b’dejn ta’ madwar €350,000.

Il-kumpanija ‘Valle del Miele’ saħqet li l-kumpanija ‘Deloitte’ kienet aġixxiet b’mod negliġenti u qarrieqi meta għamlet l-awditjar tal-‘Priceclub’  u li għalhekk kienet responsabbli għad-danni.  Għalkemm dawn l-allegazzjonijiet kienu miċħuda mill-kumpanija ‘Deloitte’, fl-2003 il-Qorti sabitha responsabbli tad-danni.

Il-kumpanija kienet appellat mis-sentenza, iżda l-appell ma kienx aċċettat wara li dan ma sarx sa għoxrin ġurnata wara l-għoti tas-sentenza.

Sussegwentament, d-Deloitte fetħet kawża kostituzzjonali li nqatgħet favuriha fl-2006.  Madankollu, sena wara din is-sentenza kienet maqluba wara appell tal-Avukat Ġenerali.  B’hekk l-isħab fil-kumpanija ħadu l-każ fi Strasburgu fl-2011, fejn il-Qorti ordnat li jitħallsu €6,000, minħabba ksur tad-dritt għal smiegħ xieraq.

Madankollu, l-kumpanija Deloitte reġgħet fetħet kawża oħra f’pajjiżna fuq dak li ddeċidiet il-Qorti tad-drittijiet umani, iżda l-ewwel Qorti ta’ ġurisdizzjoni kostituzzjonali u wara l-qorti kostituzzjonali stess rrifjutaw t-talbiet tal-kumpanija.

F’sentenza dwar appell ieħor miftuħ miż-żewġ partijiet, l-imħallfin Giannino Caruana Demajo, Joseph R. Micallef u Anthony Ellul qablu mas-sentenza oriġinali u sabu li kien hemm negliġenza min-naħa tal-kumpanija ‘Deloitte’.

Dan hekk kif il-Qorti qalet li kienet responsabbilità tal-awdituri li jaraw li d-dokumenti mgħoddija lilhom mill-kumpanija ‘Priceclub’ kienu ta’ min joqgħod fuqhom.  Iżda l-qorti qalet ukoll li għalkemm l-kumpanija midjuna ma kinitx aġġixiet b’mod tajjeb, dan ma jfissirx li l-kumpanija tal-awdituri kienet kompliċi fil-qerq.

Ritratt: PBS

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend