BIL-FILMAT: Il-PM jagħti ċans sal-lum biex jinstab il-ftehim mal-VGH – One News

Notifiki

BIL-FILMAT: Il-PM jagħti ċans sal-lum biex jinstab il-ftehim mal-VGH

Il-Prim Ministru Robert Abela tkellem b’mod ċar dwar ftehim, memorandum of understanding, li kien sar ma’ Vitals Global Healthcare.

Huwa wieġeb għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti wara konferenza tal-aħbarijiet, fejn stqarr kif “immedjatament, anke wara li saret id-domanda min-naħa tal-midja u anke wara r-rapport tal-Awditur Ġenerali, tajt direzzjoni ċara li dak id-dokument irid jinstab. Tajt direzzjoni ċara u ċans sal-lum biex jinstab”.

Il-Prim Ministru wieġeb ukoll dwar il-kriżi u l-qasma fl-Oppożizzjoni u qal li din qed tagħmel pressjoni fuq il-President, li skont il-Kostituzzjoni għandu jitħalla jagħmel il-ġudizzju meħtieġ. Fi kliem il-Prim Ministru, il-pressjoni m’għandiex tiġi ttollerata f’ġieh is-saltna tad-dritt.

Dwar il-baġit Ewropew ġdid, Dr Abela qal li l-fatt li pajjiżna mexa ‘l quddiem ma jpoġġiniex f’qagħda vantaġjuża biex niksbu iżjed fondi minn qatt qabel. Dan għaliex “is-suċċess tagħna f’dawn l-aħħar seba’ snin, huwa l-akbar għadu biex ningħataw baġit aħjar, għaliex fondi Ewropej huma biex jagħtu soljev lil pajjiżi fl-iżvilupp ekonomiku tagħhom. Imma mhux se nuża din bħala skuża”, qal il-Prim Ministru Abela.

Mistoqsi dwar il-kwistjoni tal-immigrazzjoni, il-Prim Ministru spjega kif il-ħidma mill-qrib tal-Gvern Malti ma’ dak Libjan qed tħalli l-frott, u qed jonqsu l-iżbarki ta’ immigranti f’pajjiżna.

Fakkar kif kieku mhux għal din il-ħidma, pajjiżna bħalissa qed jgħaddi minn dak li qed jiġri f’Lampedusa, li bħalissa qed tissielet ma’ influss qawwi ta’ immigranti.

“L-ewwel prijorità hi li l-piż tal-immigrazzjoni fuq pajjiżna huwa sproporzjonat. Sfortunatament mill-ħbieb tagħna fl-Ewropa ma sibniex biżżejjed għajnuna. Ħdimna wkoll fuq numru ta’ rilokazzjonijiet, imma mhux biżżejjed. Mill-ħbieb Libiċi tagħna sibna ħafna għajnuna u għalhekk, jien l-ewwel wieħed li nkun fuq quddiem nett għal aktar ħidma favur id-drittijiet tal-bniedem.  Imma l-prijorità tibqa’ li nħarsu lil pajjiżna minn influss tal-immigrazzjoni”, temm jgħid il-Prim Ministru.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend