Jgħid li l-PN huwa hijacked minn erba’ min-nies – One News

Notifiki

Jgħid li l-PN huwa hijacked minn erba’ min-nies

Thomas De Martino, il-President tat-TeamStart PN li hija l-fergħa taż-żgħażagħ nazzjonalisti favur il-Kap Adrian Delia, fetaħ attakk aħrax fuq il-fazzjoni ta’ Simon Busuttil.

Huwa qal li erba’ min-nies ħatfu l-partit.

F’intervista mal-gazzetta Illum, de Martino qal li l-vot ta’ dsatax-il persuna ma jistax iġib null il-vot tat-tesserati. Dan b’referenza għad-deċiżjoni tal-grupp parlamentari li jisfiduċja lill-Kap tiegħu stess.

Staqsa: kif jista’ l-Partit Nazzjonalista jippriedka d-demokrazija meta 19-il vot iġib null il-vot tal-eluf ta’ tesserati?

Staqsa wkoll kif jekk jiġi elett Kap Nazzjonalista li wkoll ma jogħġobx lill-membri parlamentari. Se jibqa’ jiġi elett kap wara ieħor sakemm jinstab wieħed favoervoli?

F’attakk dirett lejn il-fazzjoni Busuttil, De Martino sostna li dawn id-19-il ruħ ilhom żmien twil fil-partit u li wasal iż-żmien li l-partit jiġġedded.

Qal li dan it-tiġdid qed jiġi mxekkel minn erba’ min-nies li jaħsbu li għandhom xi jedd speċjali fuq il-partit.

F’botta oħrajn lejn il-fazzjoni Busuttil, Demartino, li jintuża minn ta’ Delia biex jattakka, semma li Adrian Delia qatta’ l-aħħar tliet snin jipprova jmexxi waqt li jingħata l-gambetti, f’botta oħra lejn il-fazzjoni Busuttil.

“Gambetta wara l-oħra fit-tellieqa u nneħħuk għax tlift flok inneħħu lil min qed jagħmel il-gambetti,” insista De Martino filwaqt li tenna li Delia qatt ma tħalla jaħdem.

“Riedu jtajruh mill-bidu nett, minn qabel sar Kap…daqqa minħabba problemi familjari, daqqa għax ħareġ sondaġġ, daqqa għax tlifna l-elezzjoni u issa sibna skuża oħra,” qal de Martino.

Mal-Illum De Martino attakka bl-ikrah ukoll il-fergħa l-oħra taż-żgħażagħ, l-MŻPN li hija parti integrali mill-fazzjoni Busuttil.

Fakkar kif l-istqarrija tal-MŻPN, li talbet għar-riżenja ta’ Delia, ma kinitx ġiet approvata mill-eżekuttiv tal-istess fergħa taż-żgħażagħ.

Fi kliem De Martino huwa ironiku li stqarrija li tippriedka fuq id-demokrazija, hija minnha nnifisha anti demokratika.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend