“Dan huwa sqaq li daħlu fih huma, u huma jridu joħorġu minn ġo fih” – il-PM dwar il-kriżi fil-Partit Nazzjonalista – One News

Notifiki

“Dan huwa sqaq li daħlu fih huma, u huma jridu joħorġu minn ġo fih” – il-PM dwar il-kriżi fil-Partit Nazzjonalista

“Dan huwa sqaq li dħaltu fih intom u tridu toħorġu intom minn ġo fih, u l-problema li ħloqtu intom tridu taraw kif se ssolvuha intom.”

Kien dan l-appell li għamel il-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Robert Abela, lill-Oppożizzjoni, li kulma jmur qed tkompli tegħreq fil-kriżi li ħakmitha bejn iż-żewġ fazzjonijiet.

F’attività politika fil-Mosta, il-Prim Ministru għamilha ċara li l-problemi fl-Oppożizzjoni jridu jiġu solvuti mill-istess Oppożizzjoni, u li l-Gvern se jibqa’ ffukat fuq aktar ħidma fl-aħjar interess tal-poplu Malti u Għawdxi.

Il-Prim Ministru semma li filwaqt li l-Gvern huwa magħqud u jinsab kommess li jwettaq il-bidliet meħtieġa, fl-Oppożizzjoni hemm min irid jimponi hu, x’għandu jagħmel il-President.

Huwa qal: “Ħaddieħor, f’dan il-mument, qiegħed jagħmel pressjoni fuq pressjoni fuq il-President biex il-President, bilfors, jiddeċiedi kif iridu hu. Dik hija l-governanza tajba li temmen fiha l-Oppożizzjoni, jew parti mill-Oppożizzjoni tagħna.”

Il-Mexxej Laburista qal li jkun min ikun Kap tal-Partit Nazzjonalista, il-Partit Laburista se jibqa’ jirbaħ.

Huwa qal dan mhux b’sens ta’ superjorità jew arroganza, imma għaliex il-Partit Laburista huwa umli, saqajh mal-art u għandu lin-nies miegħu.

Dr Abela stqarr: “Bidla żgħira, li inti taġixxi fuq xi ħaġa żgħira tan-nies, tista’ tfisser ħafna fil-ħajja ta’ dik il-persuna, u din irridu nifhmuha. Fhimniha tajjeb u rridu nibqgħu naħdmu fuqha li nibqgħu viċin il-bżonnijiet tan-nies.”

Robert Abela temm jgħid li dan il-Gvern se jibqa’ magħqud, viċin in-nies, u jwettaq il-bidliet meħtieġa: “Ħaddieħor inħalluh jibqa’ għaddej bl-aġendi ta’ konfużjoni tiegħu. Aħna rridu nibqgħu ffukati fuq il-ħidma, qatt daqs illum ma huwa importanti li l-Gvern jibqa’ ffukat u stabbli fil-ħidma tiegħu, li mmexxu dan il-pajjiż f’direzzjoni ċara ’l quddiem, bis-saħħa ’l quddiem, sabiex inkomplu noħolqu aktar ġid għan-nies u għal pajjiżna, aktar tisħiħ ekonomiku, tisħiħ soċjali, ejjew ħalli flimkien nibqgħu mexjin ’il quddiem sabiex verament ikollna Malta u Għawdex dejjem aqwa.”

Ara wkoll:

“Wara l-maltemp ġie l-bnazzi għax għandna Gvern seren fil-ħidma tiegħu” – il-PM

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend