37 wirja piroteknika se jdawlu s-smewwiet – One News

Notifiki

37 wirja piroteknika se jdawlu s-smewwiet

Fl-aħħar ta’ Lulju u fil-bidu ta’ Awwissu li ġej, 37 wirja piroteknika se jdawlu s-smewwiet f’pajjiżna għad-19 il-edizzjoni tal-Festival Internazzjonali tal-Logħob tan-Nar.

Tul dan il-festival se jipparteċipaw sitt kumplessi tan-nar barranin fosthom dawk Ingliżi, Taljani u Franċiżi. Flimkien ma’ dawn se tieħu sehem il-kamra tan-nar ta’ Sant’Andrija ta’ Ħal-Luqa.

Il-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli, qalet kif il-piroteknika tifforma parti integrali mit-tradizzjoni u l-kultura Maltija.

Hija qalet: “Aktar minn tletin kamra tan-nar illi se jkomplu jżommu t-tradizzjoni, il-kultura u dak li huwa artistiku ħaj, b’mod partikolari issa li malta qed terġa’ tilqa’ lura mill-ġdid lit-turisti.”

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia qal kif dan il-festival internazzjonali sar avveniment stabbilit fil-kalendarju annwali li jkun mistenni mid-dilettanti tan-nar lokali u t-turisti li jżuru pajjiżna.

Is-Sur Gulia spjega: “Din ilha għaddejja dsatax-il sena u min sena għall-oħra, dejjem titjieb u tissaħħaħ u ċert li din is-sena mhux se tkun eċċezzjoni.”

Il-festival internazzjonali tal-logħob tan-nar se jkun mifrux fuq erbat ijiem, bl-ewwel wirja se tkun il-Ġimgħa erbgħa u għoxrin ta’ Lulju fix-Xagħra, Għawdex.

Il-festival ikompli t-Tnejn 27 u l-Erbgħa 29 ta’ Lulju fl-Imqabba. Il-wirja finali se tkun fil-Port il-Kbir nhar il-Ġimgħa 7 ta’ Awwissu.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend