Kontenut għall-adulti se jibda jintwera mill-10:00pm ‘il quddiem fuq it-televiżjoni – One News

Notifiki

Kontenut għall-adulti se jibda jintwera mill-10:00pm ‘il quddiem fuq it-televiżjoni

L-att dwar ix-Xandir jinsab fil-proċess li jiġi aġġornat fost oħrajn bl-implimentazzjoni tad-direttiva tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva. Dan sabiex ikopri aħjar kundizzjonijiet ekwi ta’ kompetizzjoni bejn il-midja awdjoviżiva tradizzjonali u dik ġdida.

Dawn l-emendi mistennija jipproteġu lill-konsumatur filwaqt li jippromwovu valuri Ewropej u diversità kulturali.

L-emendi jirrikjedu wkoll trasparenza dwar is-sidien tal-midja, li issa se jkunu obbligati jipprovdu biżżejjed informazzjoni biex il-konsumatur jagħmel deċiżjoni infurmata.

Dan filwaqt li se jiġu introdotti regolamenti ġodda relatati ma’ ikel li fih xaħam, melħ u zokkor, u regolamenti oħra relatati mar-reklamar tax-xorb u logħob tal-ażżard.

Emenda partikolari se tara bidla fil-ħin li fih jista’ jintwera kontenut għal udjenza adulta, li se jibda jintwera biss mill-10 ta’ bilejl ‘il quddiem.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Carmelo Abela ħabbar li l-pass li jmiss hu li dan l-att jgħaddi mill-Parlament.

Il-Ministru Abela spjega: “Importanti li jkollna regolamentazzjoni ċara u b’saħħitha imma fl-istess waqt huwa wkoll importanti li nipproteġu lill-konsumaturi Maltin u Għawdxin. Barra minn hekk huwa tajjeb ħafna li jkollna dik li qed tissejjaħ il-media literacy li aħna nagħmlu emfasi partikolari li filwaqt li jkun hemm l-aċċessibilità għal kull min jixtieq jagħmel użu minn dawn is-servizzi u għad-direttura jitfa’ forsi vidjows tiegħu nkella produzzjonijiet oħrajn, irid ikun hemm responsabbilità għal min ikun qed jagħmel dan, li jitfa’ dawn il-vidjows u messaġġi oħrajn.”

Qal li permezz tal-implimentazzjoni ta’ din id-direttiva se jkunu protetti fost l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà.

Il-Ministru Abela sostna: “Id-direttiva qed issaħħaħ il-protezzjoni ta’ nies vulnerabbli speċjalment dawk li huma minorenni u allura hemm dispożizzjonijiet li d-direttiva qed issemmi u li se jkunu parti mil-leġislazzjoni Maltija ħalli nkomplu nipproteġu l-minuri tagħna.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend