Fitch tikkonferma r-rating ta’ A+ bi prospetti stabbli – One News

Notifiki

Fitch tikkonferma r-rating ta’ A+ bi prospetti stabbli

L-aġenzija internazzjonali ta’ kreditu Fitch ikkonfermat ir-rating ta’ A+ bi prospetti stabbli għal pajjiżna.

Dan minkejja li tul il-pandemija, l-aġenzija naqset il-prospetti tal-Belġju, Franza, il-Latvja u Rumanija minn stabbli għal negattivi, u tat downgrade fir-rating tar-Renju Unit minn AA għal AA- bi prospett negattiv. Naqqset ukoll ir-rating tal-Islovakkja minn A+ għal A.

L-esperti ta’ Fitch magħrufa li ma jħarsu lejn wiċċ ħadd isemmu fost oħrajn li l-potenzjal ta’ tkabbir għal żmien medju f’Malta huwa ferm ikbar mill-medja fiż-żona ewro.

Hawnhekk isemmu t-tkabbir potenzjali ta’ bejn 3% u 3.5% tal-prodott domestiku gross.

Ir-rapport jgħid ukoll li minkejja l-impatt negattiv estern minħabba l-pandemija, pajjiżna se jibqa’ b’surplus fil-kaxxa ta’ Malta.

Filfatt l-andament ekonomiku ta’ pajjiżna ser ikun 2.1 punti perċentwali aħjar mill-medja taż-żona ewro fl-2020.

Fitch issemmi wkoll il-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika ta’ €900 miljun, li tħabbar ix-xahar li għadda mill-Prim Ministru Robert Abela. Jgħidu kif dan il-pakkett finanzjarju t’għajnuna jammonta għal 6.8% tal-prodott domestiku gross tas-sena l-oħra. L-esperti ta’ Fitch innutaw ukoll l-akbar investiment industrijali li se jkun qed jagħmel il-Gvern, dak ta’ €400 miljun li se jgħin biex titjieb l-infrastruttura fl-industrija.

Fitch tgħid ukoll li d-dejn pubbliku mistenni jistabilizza fis-sentejn li ġejjin u jkun 60% tal-prodott domestiku gross.

Dan ifisser li se jibqa’ ferm anqas mil-livell fl-2012 taħt amministrazzjoni Nazzjonalista.

L-aġenzija ta’ kreditu titkellem ukoll fuq in-nuqqas ta’ domanda esterna iżda jisħqu li Malta ser tibqa’ tesporta aktar milli timporta.

Ir-rapport jirreferi wkoll għall-impatt fuq is-suq tax-xogħol minħabba l-pandemija.

Dan ir-rapport eċċellenti għall-ekonomija Maltija jsegwi ieħor li ħareġ din il-ġimgħa mill-Kummissjoni Ewropea li nnota li bir-rispons t’għajnuna mill-Gvern, Malta għandha l-aħjar andament ekonomiku fiż-żona ewro.

Il-Prim Ministru Robert Abela laqa’ dan ir-rapport pożittiv minn Fitch u fuq Twitter aċċenna għat-tkabbir b’saħħtu li l-aġenzija ta’ kreditu nnutat li ħa jkollha l-ekonomija Maltija.

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal li dan ir-rapport jixhed il-fiduċja li għandha l-aġenzija tal-kreditu fir-reżiljenza tal-ekonomija Maltija.

Ara wkoll:

Il-PM Robert Abela jilqa’ b’sodisfazzjon ir-rapport ta’ Fitch

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend