ARA: Kif għandek tipproteġi lilek innfsek fil-pubbliku – One News

Notifiki

ARA: Kif għandek tipproteġi lilek innfsek fil-pubbliku

Il-Pulizija jħeġġu persuni li jkunu fil-pubbliku, kemm waħedhom kif ukoll ma’ persuni oħra, biex fuq il-mobile tagħhom dejjem ikollhom aċċess għan-numri tal-emerġenza 112 jew 119.

Fi kliem l-Ispettur Lydon Zammit, dan hu parir li l-Pulizija tagħti biex persuni jipproteġu lilhom infushom fil-pubbliku, hekk kif il-ġarr ta’ armi żgħar u anke sustanzi meqjusa protettivi, mhux permessibbli bil-liġi.

Huwa spjega: “Id-differenza bejn il-112 u l-119 hi li l-112 nużawh għal emerġenzi ta’ bejn ħajja u mewt, fejn hemm inċident serju. Fejn hemm reat li rridu nirrappurtaw nużaw il-119.”

Għal persuni li joħorġu fil-pubbliku, il-pulizija dejjem tagħti l-parir biex kemm jista’ jkun ma jżommux l-istess rotta biex b’hekk ifixklu lil persuna oħra li jista’ jkun qed issegwihom.

L-Ispettur Zammit semma għodda kruċjali ferm li dejjem għandu jkun fuqna: il-mobile: “Inġorruh magħna dejjem. Niltaqgħu ma’ ħafna anzjani li ma jġorruhx magħhom. Dak irriduh biex meta nkunu fit-triq nikkomunikaw ma’ min hemm bżonn, u naturalment irid ikollu baatterija.”

Mhux l-ewwel darba li persuna li tkun fil-pubbliku jiġiha suspett li qed tiġi segwita minn terzi u tħoss li qegħda f’xi tip ta’ periklu. F’dawn il-każi l-Pulizija tħeġġeġ biex dak li jkun isib xi forma ta’ refuġju f’ħanut jew dar fil-viċin, jew anke jagħmel telefonata lil xi qarib.

L-Ispettur Zammit saħaq: “Jekk qed naraw li hemm persuna li se tiġi aggredita importanti ma nistennewx. Jekk jiena hemm xi ħadd isegwini importanti li nirrapporta mal-ewwel fuq dawn in-numru u ninforma lill-Pulizija jiġu għaliex hemm persuna li qed tqajjimli suspett.”

L-Ispettur Zammit kellu wkoll dan l-appell għal persuni li sfortunatament ikunu sfaw aggrediti jew misruqa fil-pubbliku.

Huwa appella: “Importanti li jekk int tiflaħ tiċċaqlaq minn fuq il-post u tmur xi mkien sigur. Jekk ma tistax, ċempel fuq in-nurmu tal-emerġenza biex jgħinuk il-Pulizija.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend