Restawr u tisbiħ fuq is-swar tal-Isla – One News

Notifiki

Restawr u tisbiħ fuq is-swar tal-Isla

Sa tmiem din is-sena se jkunu tlestew ix-xogħlijiet ta’ tisbiħ restawr fuq id-daħla tal-Isla u l-inħawi ta’ Belvedere. Dawn qed isiru bħala parti mill-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-Kottonera, b’investiment ta’ miljun u tliet mitt elf ewro.

Dan il-proġett qed jitmexxa mill-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, il-GHRC, u beda fl-aħħar ta’ April li għadda.

Il-proġett jinkludi fost l-oħrajn interventi fuq is-swar b’tul ta’ erba’ mitt metru, il-mini fid-daħla tal-belt, it-torri tal-arloġġ, u l-bitħa interna fl-iskola primarja.

L-Onor. Anthony Agius Decelis, iċ-Chairman tal-GHRC stqarr: “Fuq is-swar se nagħmlu aktar aċċessibbli għal persuni b’siġġijiet tar-roti u għall-anzjani. Se jkun hemm taraġ u rampi li kulħadd jista’ juża. In-nies se jkunu jistgħu jiltaqgħu hemmhekk u jgawdu l-veduti sbieħ li dan il-port hu mdawwar bihom.”

Huwa qal li din se tkun biss l-ewwel fażi tal-proġett. Hu maħsub li dan jitlesta sa tmiem is-sena: “It-tieni fażi se tkun fuq il-pjazza u se nagħmlu d-dwal. l-ewwel fażi, li qed inżuru llum, se tara r-restawr tas-swar, li n-nies se jkunu jistgħu jżuru ladarba jitlesta l-proġett.”

Il-Koordintur Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għall-Kottonera Glenn Bedingfield qal li kull fażi tal-proġett kienet mixtieqa mir-residenti tal-madwar, u għalhekk hija parti kruċjali mill-implimentazzjoni tal-istrateġija għall-Kottonera.

L-Onor. Bedingfield sostna: “Mhux biss se nirrestawraw imma qed nirriġeneraw iż-żona. Din hija x-xewqa tan-nies tul il-konsultazzjoni li konna qed nagħmlu bl-istrateġija tal-Kottoner u llum din l-istrateġija, b’dan il-proġett u b’oħrajn, qed tkun implimentata.”

Il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg żar ix-xogħlijiet li bħalissa hemm għaddejja b’rabta mal-proġett, u faħħar l-impenn tal-ħaddiema fi proġett ieħor ta’ tisbiħ għar-residenti tal-madwar.

Ta’ QabelLi Jmiss

1 Comment

  1. Imma nistaqsi għal miljun darba: is-swar ta Bormla meta????? Kull fejn hemm is-swar ġew restawrata imma dawk ta Bormla qatt!

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend