Laqgħa sigrieta fid-dar ta’ Louis Galea: Ta’ Busuttil qed jerġgħu jgħaqqdu n-numri wara inċertezza kbira – One News

Notifiki

Laqgħa sigrieta fid-dar ta’ Louis Galea: Ta’ Busuttil qed jerġgħu jgħaqqdu n-numri wara inċertezza kbira

Bħalissa ONE News huwa infurmat li fid-dar ta’ Louis Galea fis-Siġġiewi għaddejja laqgħa sabiex il-fazzjoni ta’ Simon Busuttil terġa’ tgħaqqad is-sbatax-il deputat fil-Parlament Malti biex tiġi aċċertata s-saħħa numerika fil-bankijiet tal-Oppożizzjoni tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil.

Nifhmu li fost iċ-ċrieki ta’ Delia, dan l-aħħar żvilupp ta’ laqgħa għand Louis Galea waqt li d-deputati Nazzjonalisti qed jiġu msejħa mill-President ta’ Malta biex imorru fil-Palazz ta’ Sant’Anton ħalli jgħidu f’min għandhom fiduċja, qanqal rabja kbira.

ONE News kien żvela li matul il-jum tal-bieraħ, kien hemm deputati li sfiduċjaw lil Adrian Delia f’laqgħa tal-grupp parlamentari t-Tlieta bil-lejl, li reġa’ bdielhom.

L-affarijiet ikkumplikaw ruħhom wara li Claudio Grech daqq l-irtirata u rrifjuta li jidħol għal kariga tal-Kap tal-Oppożizzjoni f’din il-konfużjoni sħiħa.

In-nies ta’ Claudio Grech, li huma wkoll dawk li kienu ħobża u sikkina mal-eks Ministru Nazzjonalista Austin Gatt, qalu li ż-żiemel tagħhom ma jridx jinħaraq issa għaliex għandu ambizzjonijiet li jkollu karriera politika fit-tul.

B’hekk nifhmu li imbagħad li l-perċimess tal-konfoffi kontra l-Kap tagħhom Adrian Delia, poġġew lil Therese Comodini Cachia fuq quddiem biex hi tkun Kap tal-Oppożizzjoni.

Hawn hekk is-sorsi tagħna qalulna li qamet problema hekk kif uħud mid-deputati li sfiduċjaw lil Delia m’għandhomx fiduċja f’Comodini Cachia u kompliet titħabbel il-kobba.

B’dan l-iżvilupp huma konxji minnu tal-fazzjoni ta’ Delia u qed jippersistu biex jippruvaw iġibu ċertu deputati lura u jisħqu fuq il-punt li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista jrid ikun Kap tal-Oppożizzjoni għax hekk jgħid l-istatut tal-partit tal-maduma u anki l-Kostituzzjoni.

Nifhmu li b’dawn l-intriċċi kollha li għaddejjin f’Oppożizzjoni Nazzjonalista maqsuma, id-deputati li sfiduċjaw lil Delia ma jridux jispiċċaw barra minn partit li għal snin twal kellhom ir-riedni tiegħu f’idejhom.

Fl-aħħar ħin ukoll barra l-Bank Ċentrali u l-parkeġġ għall-Membri Parlamentari, dehru Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia jitkellmu fit-tul.

L-esponent ewlieni li jimmina l-Kap Adrian Delia f’kull ċans li jiġih deher jirraġuna u jagħti b’idejh waqt li kien qed ikellem lil Comodini Cachia li qed tiġi proposta biex il-President tar-Repubblika jaħtar lilha bħala Kap tal-Oppożizzjoni.

Din mhux l-ewwel darba li saru laqgħat ma’ esponenti u deputati mill-fazzjoni ta’ Simon Busuttil għand l-eks Segretarju Ġenerali Nazzjonalista tat-tmenijiet, Louis Galea.

Fi Frar li għadda, fl-eqqel tar-rivolta tas-sbatax-il eroj blu, id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina kien fost dawk li nqabdu f’laqgħa sigrieta għand Louis Galea li tqabbad mill-Kap Adrian Delia biex jagħmel il-bidliet fl-istatut tal-Partit Nazzjonalista.

Dakinhar din il-laqgħa nisslet diżappunt enormi fost il-fazzjoni ta’ Delia, b’Clyde Puli kien staqsa bir-ragħwa f’ħalqu, x’kien diskuss f’dik il-laqgħa sigrieta.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend