Il-Ministru Edward Scicluna jagħmel diskors ta’ tislima f’isem il-Ministri għall-Finanzi tal-Unjoni Ewropea   – One News

Notifiki

Il-Ministru Edward Scicluna jagħmel diskors ta’ tislima f’isem il-Ministri għall-Finanzi tal-Unjoni Ewropea  

Il-Ministru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji Edward Scicluna ntgħażel mill-Eurogroup sabiex f’isem il-Ministri għall-Finanzi tal-Unjoni Ewropea biex jagħmel diskors ta’ tislima lil Mario Centeno fl-aħħar laqgħa tiegħu bħala President tal-Eurogroup.

Din il-laqgħa tal-Eurogroup saret ilbieraħ fejn il-Prof. Centeno informa lill-Ministri għall-Finanzi li kien ser jispiċċa mill-kariga ta’ Ministru għall-Finanzi tal-Portugall u għalhekk ma kienx se jkompli t-tieni terminu bħala President tal-Eurogroup.

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Scicluna elenka wħud mill-kisbiet tal-Prof. Centeno. Aċċenna wħud mis-suċċessi li ġew irreġistrati fil-Portugall matul iż-żmien li Prof. Centeno għamel f’din il-kariga, fosthom il-waqgħa ta’ 14-il punt perċentawal fil-Prodott Domestiku Gross sa tmiem is-sena 2019 u t-tnaqqis kostanti fid-defiċit fiskali li wassal lill-Portugall sabiex jirreġistra bilanċ pożittiv għall-ewwel darba sa mill-1973.

Il-Ministru Scicluna fakkar ukoll l-iktar sfidi kruċjali li l-Unjoni Ewropea affaċċjat matul il-presidenza tiegħu. Huwa semma l-konverġenza gradwali fir-riforma tal-ESM u l-hekk imsejjaħ Strument Baġitarju għall-Konverġenza u l-Kompetittività (BICC), il-pjan għall-Unjoni Bankarja kompluta u l-pandemija globali tal-COVID-19 li wasslet għall-agħar tnaqqis ekonomiku sa mid-Dipressjoni l-Kbira.

F’isem il-Ministri għall-Finanzi kollha, Il-Prof. Scicluna, radd ħajr lil Mario Centeno għas-servizz tiegħu u awguralu kull suċċess għall-ġejjieni.

Fi tmiem il-laqgħa saret elezzjoni biex ikun elett il-President il-ġdid, fejn il-Ministri għall-Finanzi tal-Unjoni Ewropea eleġġew lil Paschal Donohoe bħala l-President il-ġdid tal-Eurogroup, għal terminu ta’ sentejn u nofs.

Ritratti (MFIN)

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend