Vetturi ġodda tat-tifi tan-nar biex jiġġieldu nirien f’żoni industrijali – One News

Notifiki

Vetturi ġodda tat-tifi tan-nar biex jiġġieldu nirien f’żoni industrijali

Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili xtara erba’ vetturi kbar tat-tifi tan-nar li se jintużaw f’każi ta’ nirien f’żoni industrijali. Dan kien possibbli grazzi għal ftehim li sar sentejn ilu fejn il-Malta Industrial Parks tat €190,000 lid-Dipartiment għal dan il-għan.

F’konferenza tal-aħbarijeit fiż-żona industrijali ta’ Ħal Far ġie spjegat li l-vetturi l-ġodda  jġorru 120,000 litru ta’ ilma, li kif spjega d-Direttur tal-Protezzjoni Ċivili, Emanuel Psaila, huwa biżżejjed biex in-nar ma jkomplix jinfirex.

“Għalhekk se jgħinu l-Protezzjoni Ċivili biex kif ikollna dan it-tip ta’ inċidenti, immorru bi kwantità kbira ta’ ilma, u jkollna saħħa kbira ta’ ilma biżżejjed biex in-nar bdejt tikkontrollah.”

Dan kollu se jkun ferm aktar effettiv f’dawn it-tip ta’ każijiet.

“Qabel li kien jiġri kien li int tibda, u sakemm jiġu jagħtu l-ilma, in-nar jerġa’ jikber. Mill-esperjenza ta’ ġimgħat ilu, fejn qabel ġieli domna anke jiem biex nitfu n-nirien, irnexxielna nikkontrollawhom fi ftit sigħat.”

Iċ-Chairman tal-Malta Industrial Parks, James Grech, spjega wkoll li bħala parti mill-ftehim, il-Protezzjoni Ċivili ħarġet aktar minn 100 impjegat tal-Malta Industrial Parks fuq għarfien bażiku tat-tifi tan-nar.

“Hemm diskussjonijiet ukoll biex naraw jekk dan il-ftehim jiġix imġedded, u qed nitkellmu mad-Dipartiment ukoll dwar allokazzjoni ta’ arti. Importanti wkoll it-taħriġ, li int mhux biss tiddependi fuq id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili imma naraw li anke impjegati ta’ MIP u li jaħmu hawnhekk ikunu mħarrġa biex kulħadd jgħid lil kulħadd.”

Il-Ministri Silvio Schembri u Byron Camilleri faħħru din il-kollaborazzjoni li saret, u saħqu fuq l-importanza li jsiru ktar ftehimiet ta’ dan it-tip biex ikompli jibbenefika l-poplu.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend