Sorsi jgħidu li fost dawk li sfiduċjaw lil Delia hemm min mhux jappoġġja lil Comodini Cachia – One News

Notifiki

Sorsi jgħidu li fost dawk li sfiduċjaw lil Delia hemm min mhux jappoġġja lil Comodini Cachia

Il-kobba mistennija titħabbel iżjed hekk kif is-sorsi ta’ ONE News fost iż-żewġ fazzjonijiet fil-Partit Nazzjonalista qed jgħidu li hemm deputati fost id-dsatax li sfiduċjaw lil Adrian Delia fil-lejl ta’ bejn it-Tlieta u l-Erbgħa, li biddlu fehmthom.

“Mhux eskluż li hemm numru sinjifikanti u fost id-deputati hemm minnhom li kienu oriġinarjament leali lejn Delia”, saħaq is-sors tagħna li ma riedx jelabora iżjed minħabba s-sensittività tas-sitwazzjoni kritika li jinsab fiha l-kamp tal-Oppożizzjoni.

Nifhmu li meta l-President ta’ Malta George Vella jibda jsejjaħ id-deputati kollha, se jkun hemm minnhom li sfiduċjaw lil Delia f’vot sigriet iżda lil President mhux se jgħidulu li għandhom fiduċja fl-isem propost ġdid ta’ Therese Comodini Cachia għall-Kap tal-Oppożizzjoni.

Bil-kundizzjoni li tibqa’ anonima, persuna qrib il-fazzjoni Delia qalet lil ONE News li dan l-iżvilupp qajjem iżjed paniku fost il-fazzjoni ta’ Simon Busuttil li trid tassigura u ssostni s-saħħa numerika wara Therese Comodini Cachia.

Dan kollu qed jitpoġġa f’kuntest li Claudio Grech kien il-kandidat oriġinali għall-kariga ta’ Kap tal-Oppożizzjoni u li daqq l-irtirata wara li l-affarijiet komplew jikkumplikaw ruħhom u ma riedx joħroġ għonqu f’din il-konfużjoni sħiħa.

Fid-dawl li ttieħed vot sigriet biex ġie sfiduċjat Adrian Delia, il-President ta’ Malta mistenni jitkellem ma’ kull deputat fuq il-bank tal-Oppożizzjoni, inkluż ma’ Marlene Farrugia u Godfrey Farrugia li wkoll kienu ġew eletti f’dik meqjusa bħala l-koalizzjoni ta’ konfużjoni.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *