Malta llimitat l-impatt ekonomiku tal-imxija b’miżuri bla preċedent – il-PM f’summit dinji – One News

Notifiki

Malta llimitat l-impatt ekonomiku tal-imxija b’miżuri bla preċedent – il-PM f’summit dinji

“Malta rnexxielha tillimita l-impatt fuq l-ekonomija grazzi għall-miżuri li ddaħħlu.”

Hekk stqarr il-Prim Ministru Robert Abela waqt is-Summit globali tal-organizzazzjoni interazzjonali għax-xogħol, l-ILO u li fih ipparteċipaw madwar 70 Kap ta’ Stat jew Gvern.

Skont ir-riċerka globali li saret mill-ILO, fit-tieni kwart tal-2020 madwar 93% tal-ħaddiema tad-dinja kienu qed jaffaċjaw xi forma ta’ impatt fuq il-post tax-xogħol tagħhom. Dan jikkuntrasta mas-sitwazzjoni f’pajjiżna fejn skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika l-impatt inħass minn madwar 62% tal-impjegati.

Waqt l-indirizz tiegħu f’dan is-summit il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka l-miżuri li ħa l-Gvern Malti meta l-pajjiż intlaqat mill-Covid-19.

Fil-messaġġ tiegħu Dr Abela enfasizza li minkejja li pajjiżna huwa wieħed mill-aktar dipendenti fuq it-turiżmu u l-kummerċ internazzjonali, irnexxielu jillimita l-impatt ekonomiku grazzi għal miżuri bla preċedent li daħħalna malajr.

Dawn jinkludu l-COVID-19 Wage Supplement, benefiċċji soċjali ġodda, moratorju fuq dejn eżistenti, diferimenti ta’ taxxa u garanziji fuq dejn ġdid.

Il-Prim Ministru sostna wkoll li dan ma kienx ikun possibli li kieku f’pajjiżna ma sarx djalogu soċjali aktar intensiv li wassal biex min jaħdem u min iħaddem jerfgħu l-piż flimkien.

Intant Robert Abela elenka 3 lezzjonijiet għas-soċjetà globali. L-importanza ta’ isitituzzjonijiet internazzjonali bħall-Għaqda Dinija għas-Saħħa, l-importanza tat-teknoloġija li biha nistgħu nibdlu d-dinja tax-xogħol u mudell ġdid ta’ djalogu soċjali li jagħti importanza lill-vuċi tal-ħaddiema u min iħaddem.

Fost mexxejja oħra li ndirizzaw is-summit kien hemm id-Direttur Ġenerali tal-World Health Organisation, is-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda, l-Managing Director tal-IMF, il-Kanċillier tal-Ġermanja, il-Prim Ministri tal-Italja u Spanja, u l-Prim Ministru tal-Kanada. Dan minbarra l-mexxejja tal-akbar trade unions Amerikani u Ewropej, kif ukoll rappreżentati tal-akbar għaqdiet ta’ min iħaddem fil-pajjiżi żviluppati.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend