Daqshekk deputati tal-PN fil-Palazz ta’ Sant’Anton… l-attenzjoni ddur fuq id-Dar Ċentrali – One News

Notifiki

Daqshekk deputati tal-PN fil-Palazz ta’ Sant’Anton… l-attenzjoni ddur fuq id-Dar Ċentrali

20:40: L-attenzjoni ddur fuq id-Dar Ċentrali hekk kif barra l-istamperija bdew jinġabru n-nies ta’ Delia. Dawn l-attivisti u tesserati Nazzjonalisti jinsabu bir-ragħwa f’ħalqhom u esprimew ir-rabja tagħhom mal-ġurnalist Brian Hansford. Nies ta’ Delia nstemgħu jidgħu u jgħidu kliem faħxi wara li deputati Nazzjonalisti marru għand il-President ta’ Malta biex dan jaħtar lil Therese Comodini Cachia bħala Kap tal-Oppożizzjoni.

20:35: Nifhmu li għal-lejla daqshekk laqgħat bejn il-President ta’ Malta u deputati Nazzjonalisti. Illum il-President ta’ Malta George Vella tkellem ma’ għaxar deputati u għada mistenni jitkellem ma’ 20 deputat u filgħaxija, jekk ikun il-każ, mistenni joħroġ stqarrija bl-isem tal-Kap tal-Oppożizzjoni l-ġdid.

19:59: Għadu kif deher dieħel għal-laqgħa mal-President ta’ malta, id-deputat Nazzjonalista Mario Demarco.

19:25: Jidher ukoll li waslu wkoll Karl Gouder u Jason Azzopardi.

19:04: Deputati Nazzjonalisti oħra ntlemħu fil-Palazz ta’ Sant’Anton huma Ivan J. Bartolo, Beppe Fenech Adami u Hermann Schiavone.

18:44: Għall-ħabta tas-sebgħa neqsin kwart tal-lejlal-Palazz tal-President f’Sant’Anton id-deputati Nazzjonalisti Beppe Fenech Adami u Ivan Bartolo. Iż-żewġ deputati ħarġu wara kwarta mil-laqgħa mal-President George Vella.

 

Aktar kmieni: Għall-ħabta tal-erbgħa nieqes għoxrin dehru deħlin fil-Palazz id-deputati nazzjonalisti Claudette Buttigieg u Chris Said sabiex jipproponu l-isem ta’ Therese Comodini Cachia biex tkun il-Kap tal-Oppożizzjoni l-ġdid flok Adrian Delia.

Ftit tal-ħin wara Delia deher ukoll dieħel fil-Palazz għal-laqgħa mal-President fejn ħareġ wara madwar siegħa.

Matul il-jum tal-Ħamis One.com.mt ħabbar kif Il-fazzjoni ta’ Simon Busuttil li sfiduċjat lil Adrian Delia minn Kap Nazzjonalista, bħalissa tinsab f’konfużjoni u f’paniku hekk kif riedet isem ieħor.

Iżda, il-kobba mistennija titħabbel iżjed hekk kif is-sorsi ta’ ONE News fost iż-żewġ fazzjonijiet fil-Partit Nazzjonalista qed jgħidu li hemm deputati fost id-dsatax li sfiduċjaw lil Adrian Delia fil-lejl ta’ bejn it-Tlieta u l-Erbgħa, li biddlu fehmthom.

Bil-kundizzjoni li tibqa’ anonima, persuna qrib il-fazzjoni Delia qalet lil ONE News li dan l-iżvilupp qajjem iżjed paniku fost il-fazzjoni ta’ Simon Busuttil li trid tassigura u ssostni s-saħħa numerika wara Therese Comodini Cachia.

Dan kollu qed jitpoġġa f’kuntest li Claudio Grech kien il-kandidat oriġinali għall-kariga ta’ Kap tal-Oppożizzjoni u li daqq l-irtirata wara li l-affarijiet komplew jikkumplikaw ruħhom u ma riedx joħroġ għonqu f’din il-konfużjoni sħiħa.

Fid-dawl li ttieħed vot sigriet biex ġie sfiduċjat Adrian Delia, il-President ta’ Malta mistenni jitkellem ma’ kull deputat fuq il-bank tal-Oppożizzjoni, inkluż ma’ Marlene Farrugia u Godfrey Farrugia li wkoll kienu ġew eletti f’dik meqjusa bħala l-koalizzjoni ta’ konfużjoni.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend