BIL-FILMAT: Said u Buttigieg għand il-President bl-isem propost ta’ Kap tal-Oppożizzjoni – One News

Notifiki

BIL-FILMAT: Said u Buttigieg għand il-President bl-isem propost ta’ Kap tal-Oppożizzjoni

F’konfużjoni u f’paniku, il-fazzjoni ta’ Simon Busuttil, li sfiduċjat lill-Kap Nazzjonalista Adrian Delia, bidlet l-isem ta’ min se jkun Kap tal-Oppożizzjoni.

Il-persuna li kien qed jissemma għal Kap tal-Oppożizzjoni kien id-deputat nazzjonalista Claudio Grech, iżda għal ħabta tat-tlieta u kwart ta’ wara nofsinhar fil-jum tal-Ħamis ħarġet l-aħbar li l-fazzjoni li sfiduċjat lil Delia, qablet li Therese Comodini Cachia tkun il-Kap tal-Oppożizzjoni.

Claudio Grech, li kien qed jissemma għall-Kap tal-Opożizzjoni, irrifjuta li jidħol f’din il-konfużjoni sħiħa.

Is-sorsi tagħna qalu li Claudio Grech ried li jsir Kap Nazzjonalista iżda b’Adrian Delia mhux lest li jwarrab minn Kap tal-partit, Grech daqq l-irtirata u qal lid-deputati li huwa jrid karriera politika fit-tul u mhux jinħaraq issa.

B’hekk sorsi qrib il-fazzjoni ta’ Simon Busuttil qalulna li fl-aħħar sigħat, id-deputati li sfiduċjaw lil Delia kienu f’ġirja kontra l-ħin u finalment qablu li tkun Comodini Cachia li tmexxi l-maġġoranza tal-membri tal-Oppożizzjoni.

Għal ħabta tal-erbgħa neqsin kwart ta’ wara nofsinhar, fil-Palazz ta’ Sant’Anton dehret dieħla karozza misjuqa mid-deputat Nazzjonalista Chris Said u ħdejh, fuq in-naħa tal-passiġġier kien hemm id-deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg.

Fl-laqgħa li damet madwar tliet kwarti mal-President ta’ Malta George Vella nifhmu li iż-żewġ deputati proponew l-isem ta’ Therese Comodini Cachia biex tkun il-Kap tal-Oppożizzjoni l-ġdid flok Adrian Delia.

M’għaddiex wisq ħin mindu Said u Buttigieg ħarġu mill-palazz li ma tfaċċax Adrian Delia.

Għal ħabta tal-ħamsa u nofs ta’ wara nofsinhar deher dieħel fil-Palazz ta’ Sant Anton għal laqgħa mal-President tar-Repubblika.

Huwa mistenni jiltaqa’ mal-President ta’ Malta George Vella fid-dawl ta’ kriżi politika fil-kamp tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista.

Ftit wara li ġie sfiduċjat minn dsatax-il deputat, Adrian Delia kien qal li mhux se jċedi u se jibqa’ Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Huwa kien qal ukoll li se jibqa’ Kap tal-Oppożizzjoni wara li d-deputati li sfiduċjawh permezz ta’ vot sigriet ma ressqu l-ebda isem biex jidħol floku u jimla’ l-kariga Kostituzzjonali li bħalissa għadu jokkupa hu.

Ftit minuti qabel, dehru ħerġin id-deputati Nazzjonalisti Chris Said u Claudette Buttigieg li kienu fost id-dsatax-il membru parlamentari Nazzjonalista li sfiduċjaw lil Delia.

Huma kellhom ukoll laqgħa mal-President hekk kif sar magħruf li dawn id-deputati tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil ressqu l-isem ta’ Therese Comodini Cachia biex tkun Kap tal-Oppożizzjoni flok Adrian Delia.

Il-laqgħa damet għal madwar siegħa.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend