Adrian Delia b’attakk fuq id-deputati li sfiduċjawh – One News

Notifiki

Adrian Delia b’attakk fuq id-deputati li sfiduċjawh

Delia mar fuq l-istazzjon radjunfoniku tal-Partit Nazzjonalista fejn kompla jagħmilha ċara li mhux se jirrenżja minn Kap tal-partit.

Delia ddikjara dan fl-istess ħin li grupp ta’ deputati Nazzjonalisti ltaqgħu fil-binja tal-Parlament biex fi kliemhom stess ifasslu pjan biex jaħtru persuna minn fosthom biex jinħatar Kap tal-Oppożizzjoni.

Madankollu Delia kellu kliem ċar għal din il-fazzjoni ta’ deputati li ilha tliet snin taħdem biex tqaċċtu mit-treġija tal-partit u saħaq li dawn id-deputati ma jistgħux jarmu tal-għajta tat-tesserati.

“Il-Partit Nazzjonalista m’għandux ikun biss ta’ dawk li fuq l-imwejjed jiddeċiedu huma għall-oħrajn. Li dawk fuq l-imwejjed jaħsbu għax il-ftit jafu iktar mill-ħafna allura ma jagħtux kas u jarmu l-għajta tan-nies.”

Fil-programm intervjenew bosta tesserati li għal darb’oħra jinsabu skossjati bil-qagħda mwiegħra li reġa’ jinsab fiha l-Partit Nazzjonalista.

Fl-istess waqt ħaduha qatta’ bla ħabel kontra d-deputati li jitkellmu ħafna dwar ir-rule of law iżda mbagħad lanqas għandhom id-diċenza jirrispettaw id-demokrazija fil-Partit Nazzjoalista.

“Ibqa’ sod. dawk id-dsatax merċernarju – isma’ dawk merċenarji u mhux jirrispettaw li tellajnik hemmhekk b’mod demokratiku imbaghad noqogħdu ngħajtu bid-demokrazija.”

“Ngħid lill-kap biex jibqa’ sod nafu kemm jaħdem għall-partit. Nixtieq ngħaddi messaġġ li jekk id-deputati kollha jekk veru tħobbu lill-partit u lil Malta kif jgħidu jkomplu jimxu wara l-Kap Adrian Delia biex flimkien nahdmu u nirbhu l-elezzjoni – ibqa’ sod kap.”

l-iktar importanti huwa li suppost ahna partit demokratiku u d-demokrazija fil-partit taghna ma teżisthiex għax li kieku teżisti għandhom jingħataw importanza t-tesserati li vvotaw għal Adrian Delia u jiġi rrispetatat

Partitarju ieħor Nazzjonalist qal lil Delia biex jibqa’ sod u ma jċedilhomx.

B’reazzjoni, il-Kap Nazzjonalista tenna li jrid jagħti lill-Partit Nazzjonalista lil ħafna u mhux lil dawk li sejjaħ ftit magħżula.

“Jien irrid nagħti l-Partit Nazzjonalista mhux lil ftit magħżula imma lil ħafna.”

B’ton ewforiku wieġeb semmiegħa oħra li qatlu biex jitfagħhom ‘il barra mill-partit u qalilha biex jiġbru aktar tesserati.

“Ejja ha niġbru iktar tesserati halli dawn it-tesserati jkollhom lehen halli dawn it-tesserati jkunu jistghu jivvotaw halli dawn it-tesserati jkunu jistgħu jitkellmu għax jemmnu li l-vot tagħhom jghodd u mhux ta’ haddiehor biss.”

Kien hawn li qaltlu li min ma jridux, għandu jitlaq ’il barra mill-partit.

“Mela daqshekk hu u min ma jridx jitlaq ’il barra għidilhom. Le aħna niftħu l-bieb biex jigu iktar  – le min hu kontra tieghek jitlaq iva.”

B’mod mill-aktar surreali, il-Kap Nazzjonalista temm jgħid lill-partitarji Nazzjonalisti li se jibda jmur siegħa fil-ġimgħa fuq ir-radju tal-partit iwieġeb it-telefonati.

“Meta l-ahjar hin tahseb, liema gurnata u l-ahjar hin – li trid inti imma gurnata fost il gimgha tigi fuq ir radio – hekk dan il-hin tajjeb – herqanin biex jisimghuk – mela se nweghdek dan il-hin se nibda nigi fuq ir radio – mifthemin.”

Delia talab ukoll għat-talb

“Grazzi itlob għalija.”

U jekk kien hemm xi dubju li l-messaġġ lid-deputati li sfiduċjawh kien għadu ma wasalx, Delia temm jgħidilhom hekk…

“Dottore never give – i never give up tibżax!”

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend