Se jmorru għand il-President b’isem għall-Kap tal-Oppożizzjoni – One News

Notifiki

Se jmorru għand il-President b’isem għall-Kap tal-Oppożizzjoni

Hekk kif kien ħiereġ mill-Parlament l-Erbgħa filgħaxija, Chris Said qal li mhux interessat li jidħol għall-kariga ta’ Kap tal-Oppożizzjoni.

Said żied jgħid li fil-mument opportun ser ikunu qed imorru għand il-President ta’ Malta George Vella.

Dan l-istess messaġġ għaddih id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi filwaqt li ma riedx jgħid min hu dak propost għall-Kap tal-Oppożizzjoni.

Skont artiklu disgħin tal-Kostituzzjoni, il-President ta’ Malta għandu s-setgħa li jneħħi Kap tal-Oppożizzjoni u jaħtar ieħor jekk jidhirlu li deputat fil-kamp tal-Oppożizzjoni għandu s-saħħa numerika ta’ fiduċja fuq deputat ieħor fost il-membri parlamentari tal-Oppożizzjoni.

Aktar kmieni llum ONE News irraporta li fost id-deputati li sfiduċjaw lil Delia għaddejja ġirja kontra l-ħin biex ikun hemm il-persuna li tidħol flok Adrian Delia fil-kariga ta’ Kap tal-Oppożizzjoni.

Dan għaliex il-Parlament dalwaqt jaġġorna għall-btajjel tas-sajf u b’hekk Delia jista’ jibqa’ Kap tal-Oppożizzjoni almenu sakemm il-Parlament jerġa’ jibda jiltaqa’ wara s-sajf.

Diversi rapporti qed isemmu lil Claudio Grech bħala l-favorit li jkun Kap tal-Oppożizzjoni flok Adrian Delia.

Ilbieraħ il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia qal li ser ikun qed jibqa’ Kap tal-Oppożizzjoni anki jekk tilef vot ta’ fiduċja u aċċenna li d-deputati ma ressqu l-ebda isem floku.

ONE News għandu informazzjoni li dawn id-deputati se jmorru b’isem li huma għandhom fiduċja fih biex isir Kap tal-Oppożizzjoni.

Is-sorsi tagħna qalu li l-pjan huwa li lil Delia jaqtgħulu rasu u jneħħulu l-kariga kostituzzjonali li għandu u b’hekk anki jitlef mill-viżibilità li jkollu fix-xena politika hekk kif jibqa’ biss Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Il-ħsieb huwa li fil-Parlament u anki f’dibattiti ta’ portata nazzjonali u parlamentari, Delia ma jkollux saħħa hekk kif id-diskussjoni tilħaq l-ogħla livelli bejn Prim Ministru u Kap tal-Oppożizzjoni.

Adrian Delia wera biċ-ċar li mhux se jitlaq minn Kap tal-partit u qal li se jibqa’ Kap tal-Oppożizzjoni għaliex id-deputati li sfiduċjawh ma tawx isem min jidħol floku fil-kariga ta’ Kap tal-Oppożizzjoni.

Osservaturi politiċi li tkellmu ma’ dan l-istazzjon qalu li dan huwa xenarju politiku ġdid f’Malta fejn se jkollok sitwazzjoni ta’ Gvern u Oppożizzjoni maqsuma f’ħafna biċċiet.

Dan hekk kif se jkollok Oppożizzjoni magħmula minn 19-il deputat u oħra ftit iżgħar bi 11-il deputat immexxija minn Adrian Delia.

Marlene Farrugia u Godfrey Farrugia, iż-żewġ deputati tal-Partit Demokratiku li fl-aħħar elezzjoni ġenerali ħadu siġġu bis-saħħa tal-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Simon Busuttil, f’koalizzjoni mlaqqma dik tal-konfużjoni, mistennija wkoll jagħtu l-appoġġ lill-grupp ta’ Oppożizzjoni ta’ kontra Delia.

L-istess osservaturi kkummentaw li issa l-fazzjonijiet fil-Partit Nazzjonalista kibru fejn għandek qasma aktar evidenti u fil-beraħ ta’ Partit Nazzjonalista mmexxi minn Adrian Delia u Partit Nazzjonalista defacto li jkun mmexxi minn Kap tal-Oppożizzjoni li tagħżel il-maġġoranza tad-deputati fl-Oppożizzjoni.

Il-ħsieb huwa li fil-Parlament u anki f’dibattiti ta’ portata nazzjonali u parlamentari, Delia ma jkollux saħħa hekk kif id-diskussjoni tilħaq l-ogħla livelli bejn Prim Ministru u Kap tal-Oppożizzjoni.

Intant barra l-Parlament, id-deputat Nazzjonalista David Thake kompla jitfa’ botti lejn Adrian Delia.

Min-naħa l-oħra, barra l-Parlament, Adrian Delia qal li m’hemm l-ebda tentattiv biex huwa ma jibqax Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend