Ġirja kontra l-ħin biex imorru għand il-President u jagħtu isem flok Delia għal Kap tal-Oppożizzjoni – One News

Notifiki

Ġirja kontra l-ħin biex imorru għand il-President u jagħtu isem flok Delia għal Kap tal-Oppożizzjoni

Id-deputati li sfiduċjaw lil Adrian Delia matul il-lejl li għadda mistennija jmorru għand il-President ta’ Malta George Vella.

ONE News għandu informazzjoni li dawn id-deputati se jmorru b’isem li huma għandhom fiduċja fih biex isir Kap tal-Oppożizzjoni.

Is-sorsi tagħna qalu li l-pjan huwa li lil Delia jaqtgħulu rasu u jneħħulu l-kariga kostituzzjonali li għandu u b’hekk anki jitlef mill-viżibilità li jkollu fix-xena politika hekk kif jibqa’ biss Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Il-ħsieb huwa li fil-Parlament u anki f’dibattiti ta’ portata nazzjonali u parlamentari, Delia ma jkollux saħħa hekk kif id-diskussjoni tilħaq l-ogħla livelli bejn Prim Ministru u Kap tal-Oppożizzjoni.

Adrian Delia wera biċ-ċar li mhux se jitlaq minn Kap tal-partit u qal li se jibqa’ Kap tal-Oppożizzjoni għaliex id-deputati li sfiduċjawh ma tawx isem min jidħol floku fil-kariga ta’ Kap tal-Oppożizzjoni.

Huwa baqa’ jisħaq fuq il-vot tat-tesserati.

Osservaturi politiċi qalulna li dan huwa xenarju politiku ġdid f’Malta fejn se jkollok sitwazzjoni ta’ Gvern u Oppożizzjoni maqsuma f’ħafna biċċiet.

Dan hekk kif se jkollok Oppożizzjoni magħmula minn 19-il deputat u oħra ftit iżgħar bi 11-il deputat immexxija minn Adrian Delia.

Marlene Farrugia u Godfrey Farrugia, iż-żewġ deputati tal-Partit Demokratiku li fl-aħħar elezzjoni ġenerali ħadu siġġu bis-saħħa tal-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Simon Busuttil, f’koalizzjoni mlaqqma dik tal-konfużjoni, mistennija wkoll jagħtu l-appoġġ lill-grupp ta’ Oppożizzjoni ta’ kontra Delia.

L-istess osservaturi kkummentaw li issa l-fazzjonijiet fil-Partit Nazzjonalista kibru fejn għandek qasma aktar evidenti u fil-beraħ ta’ Partit Nazzjonalista mmexxi minn Adrian Delia u Partit Nazzjonalista defacto li jkun mmexxi minn Kap tal-Oppożizzjoni li tagħżel il-maġġoranza tad-deputati fl-Oppożizzjoni.

Artiklu 90 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta jgħid ċar li l-President ta’ Malta għandu s-setgħa li jneħħi Kap tal-Oppożizzjoni u jaħtar ieħor jekk jidhirlu li deputat fil-kamp tal-Oppożizzjoni għandu s-saħħa numerika ta’ fiduċja fuq deputat ieħor fost il-membri parlamentari tal-Oppożizzjoni.

Nifhmu wkoll li fost id-deputati li sfiduċja lil Delia għaddejja ġirja kontra l-ħin biex ikun hemm il-persuna li tidħol flok Adrian Delia fil-kariga ta’ Kap tal-Oppożizzjoni.

Dan għaliex il-Parlament dalwaqt jaġġorna għall-btajjel tas-sajf u b’hekk Delia jista’ jibqa’ Kap tal-Oppożizzjoni almenu sakemm il-Parlament jerġa’ jibda jiltaqa’ wara s-sajf.

Dan ix-xenarju jista’ jkun l-aktar li jaqbel lil Delia biex jipprova jikkalma u jmewwet is-sitwazzjoni u jagħmel tentattiv ieħor biex jipprova jieħu r-riedni tal-Oppożizzjoni.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *