Il-bidliet fl-istatut ma jiswewx wisq meta għandek Kap mhux fdat – it-Times – One News

Notifiki

Il-bidliet fl-istatut ma jiswewx wisq meta għandek Kap mhux fdat – it-Times

L-editorjal tas-Sunday Times kellu kliem iebes għall-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia.

Dan wara li l-istess gazzetta żvelat kif Delia kien f’kuntatt ma’ Yorgen Fenech wara li sar magħruf li l-allegat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, kien is-sid tal-kumpanija 17-Black.

L-editorjal tat-Times sostna kif din il-komunikazzjoni man-negozjant Fenech ser tkompli tferi lill-Partit Nazzjonalista u timbotta aktar votanti li jissimpatizzaw mal-Partit f’Tal-Pietà.

L-editur tat-Times spjega wkoll kif sa mill-ewwel ġurnata, Delia ma rnexxielux jgħaqqad il-Partit tiegħu stess u fl-istess ħin falla milli jikseb il-fiduċja tal-elettorat.

Filwaqt li rrimarka l-qasmiet interni li għal dawn l-aħħar snin għeżżu l-istrutturi tal-Partit tal-maduma, l-editorjal innota kif il-Partit Nazzjonalista qed jitmexxa minn persuna li mhux denju li jiġi elett.

Dan speċjalment wara li fl-elezzjoni għall-Kap tal-2017, il-blogger Daphne Caruana Galizia allegat li Adrian Delia kellu kont bankarju f’Jersey u fih daħħal flus ġejjin mill-prostituzzjoni.

Każ li dwaru Adrian Delia qatt ma talab investigazzjoni fuqu nnifsu.

L-editorjal tat-Times sostna l-argument tiegħu fuq il-fatt li f’3 snin mindu ħa t-tmun tal-Partit Nazzjonalista, Delia qala’ daqqa wara oħra fis-sondaġġi hekk kif il-Partit Laburista baqa’ l-għażla naturali tal-elettorat Malti u Għawdxi.

It-Times saħqet li l-bidliet fl-istatut jgħoddu ftit meta wieħed iqis li l-Kap ma jgawdix il-fiduċja tad-deputati tiegħu u nies li jappoġġjaw lill-Partit Nazzjonalista stess.

L-editorjal temm jgħid li r-rebħa ta’ Delia meta ffaċċjat b’vot ta’ fiduċja, m’għandiex tibqa’ tintuża bħala skuża li tista’ twassal għal disfatta elettorali oħra.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend