Għar-rapport tat-Times Delia jgħid li mhi aħbar xejn – One News

Notifiki

Għar-rapport tat-Times Delia jgħid li mhi aħbar xejn

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia ċaħad li kellu xi tip ta’ relazzjoni mas-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech.

Dan wara li l-gazzetta  ‘The Sunday Times of Malta’ żvelat numru ta’ messaġġi li allegatament intbagħtu bejn Yorgen Fenech u Adrian Delia fi Frar, Marzu, April u Mejju tas-sena l-oħra, meta n-negozjant Fenech kien magħruf bħala s-sid ta’ 17 Black.

F’intervista fuq l-istazzjon tar-radju tiegħu, Adrian Delia sejjaħ dak irrappurtat bħala qisha aħbar iżda skont il-Kap Nazzjonalista m’hi aħbar xejn li ġew żvelati messaġġi bejnu u bejn Yorgen Fenech.

Delia qal: “Illum jekk taraw l-ewwel paġna tas-Sunday Times of Malta. Toħroġ qisha aħbar, għax fir-realtà mhi aħbar xejn.”

Delia deher mhux komdu bir-rapport tat-Times u sejjaħ l-aħħar rapporti bħala manuvri, huwa stqarr: “Fir-realtà dawn huma kollha manuvri.”

Għal dan ir-rapport imsejjaħ minn Delia suppost aħbar u manuvri, esponenti mill-fazzjoni ta’ Simon Busuttil fosthom tas-soċjetà ċivili u l-Occupy Justice ħarġu mal-ewwel jitolbu għal ras Delia.

Il-blogger Manuel Delia, esponent ewlieni mill-fazzjoni ta’ Busuttil akkuża lil Adrian Delia li gideb fuq il-komunikazzjoni li kellu ma’ Fenech wara li sar magħruf li huwa s-sid tal-kumpanija 17 Black.

Dan qabel ma erħilha b’sensiela ta’ attakki fuq Delia filwaqt li saħaq li mhux denju li jkun Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Ftit tal-jiem ilu, meta kien intervistat minn ġurnalista ta’ ONE News, Delia kien stqarr li huwa kellu sensiela ta’ laqgħat mal-istess Yorgen Fenech iżda ma setax jagħti dati.

Meta kien mistoqsi: “Dr Delia meta ltqajt ma Yorgen Fenech, tista’ ttini d-data?”

Delia wieġeb: “Le ma nistax intik id-data.  Għax ma kinitx importanti għax kienet waħda minn sensiela.”

Intant it-Times irrappurtat ukoll kif madwar għoxrin membru parlamentari Nazzjonalista avviċinaw lis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Francis Zammit Dimech fejn talbu għal laqgħa urġenti tal-grupp parlamentari.

It-Times qalet li dawn id-deputati jinsabu rrabjati bl-aħħar rapport żvelat fuq Delia.

Dan l-iżvilupp isegwi dak li ġara żewġt iħdud ilu biss meta fid-Dar Ċentrali kien hemm laqgħa mqanqla tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista.

Fazzjonijiet fil-Partit Nazzjonalista kienu reġgħu tefgħu pressjoni fuq il-futur ta’ Adrian Delia bħala Kap waqt laqgħa b’ħafna għajjat u storbju, b’Delia sab l-appoġġ biss ta’ ftit mid-Deputati Nazzjonalisti fosthom Edwin Vassallo, Carm Mifsud Bonnici u l-Viċi-Kap Robert Arrigo.

Dakinhar ġie rappurtat ukoll li s-Segretarju Ġenerali Nazzjonalista Francis Zammit Dimech sejjaħ lil Adrian Delia bħala “asset”.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend